Sport Sport Ieħor

L-FMA tniedi l-Vi Futsal Development Project

Il-Futsal Malta Association (FMA) nediet il-proġett Vi Futsal Development Project. Il-proġett għandu l-għan li jagħti l-opportunità li persuni neqsin mid-dawl jiżviluppaw fil-logħba tal-Futsal futsal. L-assoċċjazzjoni ddeskriviet dan il-mument bħala wieħed li se jieħu lil assoċċjazzjoni fuq livell ieħor hekk kif dan jaħbat ukoll mall-10 anniversarrju mill-bidu tal-FMA.

It-tnedija saret fi tmiem il-ġimgħa u kienet organizzata b’kollaborazzjoni mal-International Blind Sport Association (IBSA) u l-Kumitat Paralimpiku ta’ Malta (MPC), u kienet tinkludi uffiċjali tekniċi mid-diviżjoni tal-iżvilupp tal-futbol għomja tal-IBSA u diversi uffiċjali, amministraturi u kowċis li pparteċipaw fil-programm u kellhom l-opportunità li jitgħallmu mill-esperjenza tal-uffiċjali tekniċi internazzjonali tal-IBSA.

Il-President tal-Futsal Malta Association, il-Perit Mark Borg, enfasizza li dan huwa proġett importanti għall-assoċjazzjoni li jirrappreżenta l-karratru u r-responsabbiltà soċjali. Huwa qal li l-FMA hija mpenjata li tkompli tilħaq lill-komunità sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha

Id-delegazzjoni tal-IBSA kienet magħmula minn Elias Mastoras u Lauren Asquith. Elias Mastoras huwa ċ-Chairperson attwali tal-IBSA Blind Football u Koordinatur tar-Referees tal-Logħob Paralimpiku ta’ Rio 2016 u Koordinatur Dinji tar-Referees bejn l-2013 u l-2017. Elias kien ukoll referee tal-logħba għall-Midalja tad-deheb tal-Futbol tal-Għomja fil-Logħob Paralimpiku ta’ Ateni 2004 u Beijing 2008.

Min-naħa tagħha, Lauren Asquith hija l-kowċ nazzjonali tal-Assoċjazzjoni Ingliża tal-Futbol (Ingilterra FA) għat-tim tal-futbol tal-England Blind Women u hija kowċ tat-talent u l-iżvilupp tal-Para Sport, wara li ilha involuta fis-settur mill-2013.

Il-kowċ tal-England Women Blind Team Lauren Asquith

Min-naħa tiegħu, il-Kumitat Paralimpiku Mlti enfasizza li l-VI Futsal Development Programme jifforma parti minn strateġija u pjan ta’ azzjoni għal VI Para Sport, jiġifieri l-isport għal individwi b’nuqqas ta’ vista. Is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Paralimpiku Malti Dr Julian Bajada faħħar ix-xogħol kollaborattiv u proattiv tal-assoċjazzjoni Futsal Malta għall-proġett, filwaqt li enfasizza r-rieda tal-assoċjazzjoni li titgħallem u tesplora dan il-qasam fil-fond. L-MPC enfasizzat li dan huwa sinjal pożittiv ta’ tibdil fil-perċezzjoni tal-assoċjazzjonijiet sportivi nazzjonali dwar il-Para Sport u ħeġġet assoċjazzjonijiet oħra biex isegwu l-eżempju tal-FMA f’dan ir-rigward.

Il-viżjoni tal-MPC hija li tippermetti individwi b’nuqqas ta’ vista jipparteċipaw b’mod effettiv fl-isport, filwaqt li tinnota li fuq livell globali il-VI Para Sport huwa żviluppat sew f’diversi dixxiplini tal-Para Sport, inklużi l-Para Athletics, Para Swimming, Para Rowing u Para Judo. Wara xhur sħaħ ta’ preparamenti, l-MPC tistenna li tniedi formalment il-proġett multi-sportiv VI Para Sport, li se jiġi mplimentat b’kollaborazzjoni mal-Malta Trust Foundation, f’Lulju ta’ din is-sena.

Għal din it-tnedija attendew ukoll l-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca, l-eks President ta’ Malta u ċ-Chairperson preżenti tal-Malta Trust Foundation, li enfasizzat dwar l-importanza tal-Para Sport bħala pilastru ewlieni fl-iżvilupp ħolistiku ta’ individwi b’diżabilità viżwali u li se tiftaħ opportunitajiet ġodda għal kollox. Marie-Louise Coleiro Preca żiedet tgħid li dan il-proġett jagħti l-ħajja lill-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (2006) dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità is-CRPD.

Aktar dettalji dwar il-proġett VI Para Sport se jitniedu fil-ġimgħat li ġejjin u individwi b’nuqqas fil-vista, jew il-ġenituri tagħhom, huma mistiedna jagħmlu kuntatt permezz tal-email: maltaparacom@gmail.com.