Internazzjonali

Norveġja: Arrestat b’konnessjoni ma’ sparatura ‘terroristika’ f’Oslo

Raġel ta’ 42 sena spiċċa arrestat b’rabta ma’ attakk terroristiku li seħħ fis-sigħat bikrin tas-Sibt filgħodu fil-qalba ta’ Oslo, il-Kapitali Norveġiża. Intant, l-attakk — sparatura — qed ikun deskritt bħala att ta’ terroriżmu Iżlamiku.

Fl-attakk, żewġ persuni tilfu ħajjithom u 21 persuna oħra spiċċaw midruba, b’10 minnhom jinsabu f’kundizzjoni serja, Intant l-isparatura seħħet viċin ta’ bar popolari qalb il-komunità LGBTIQ.

Il-Prim Ministru Norveġiż Jonas Gahr Stoere, spjega li s-suspettat kien avviċinat u interrogat mill-Pulizija Norveġiża f’Mejju li għadda, iżda hu kien inħeles għaliex ma kienx meqjus bħala theddida mill-awtoritajiet.

Xhieda li raw l-attakk iseħħ spjegaw li s-suspettat ħareġ arma tan-nar minn basket u beda jispara fuq in-nies. Ftit tal-ħin wara huwa kien arrestat mill-Pulizija wara li spiċċa miżmum miċ-ċivili sakemm ġew l-uffiċjali. Fuq is-suspettat instabu żewġ armi tan-nar u materjal ieħor li qed ikun suġġett għall-investigazzjoni.

Fl-aħħar sigħat, f’Oslo, kellu jsir il-Gay Parade annwali, madankollu l-avveniment spiċċa mħassar fuq il-parir tal-Pulizija Norveġiża.