Lokali

Żewġ żgħażagħ arrestati wara sejba ta’ 25kg kokaina f’karozza fuq il-katamaran

Żewġ żgħażagħ, raġel ta’ 24 sena mill-Moldova u tfajla ta’ 18-il sena mir-Russja ġew arrestati mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga wara sejba ta’ 25 kilo sustanza bajda, allegatament droga kokaina, li ppruvaw idaħħlu f’Malta minn Sqallija.

Huma ġew arrestati tard is-Sibt filgħaxija malli niżlu bil-karozza minn fuq il-katamaran mal-wasla f’Malta minn Sqallija.

It-tfittxija li saret fil-karozza kkonfermat l-informazzjoni li kellha lPulizija u moħbija fit-tank tal-petrol instabet is-sustanza li kienet imqassma f’25 pakkett. Il-valur fit-triq li kieku d-droga nbiegħet hija ta’ madwar €2.2 miljun.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit li fetħet inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Ritratti: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.