Lokali Qorti

13-il sena ħabs għal erba’ rġiel fuq sensiela ta’ serq bi vjolenza minn fuq anzjani

Erba’ rġiel ġew ikkundannati 13-il sena ħabs bejniethom b’rabta ma’ sensiela ta’ serqiet bi vjolenza li seħħew fil-Pietà u fil-lokalitajiet tal-madwar f’perjodu ta’ ġurnata waħda. ir-reati seħħew fil-jum tal-Ħadd 20 ta’ Settembru tal-2020 meta l-azjani kienu aggrediti u wħud minnhom msawwta sal-punt li spiċċaw l-isptar jew xi ċentru tas-saħħa.

William Kelly Harrison ta’ 29 sena, residenti l-Belt Valletta ġie kundannat erba snin u erba’ xhur ħabs, Priviledge Mupimhidzi, ċittadin miż-Żimbabwe ta’ 35 sena ġie kundannat erba’ snin u nofs ħabs, Ahmed Ali Salah Lawan, Libjan ta’ 30 sena u li jgħix iż-Żurrieq ġie kundannat sentejn u tmien xhur ħabs, filwaqr li Deko Susanto ta’ 32 sena, ċittadin Indoneżjan li jaħdem bħala kaħħal ġie kundannat 18-il xahar.

Mill-provi rriżulta li l-ħatja għandhom diversi problemi soċjali fosthom li tlieta minnhom, b’mod speċjali għandhom problema akuta ta’ droga u li kellhom trobbija diffiċli. Ħafna mis-serq sar minħabba d-droga u li quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella ħareġ ukoll li kienu jisirqu wkoll biex jieklu. Il-Qorti ordnat wkoll ordni ta’ trattament għal tlieta minnhom għall-perjodu ta’ tliet snin u li minn dak li xehdu l-probation officers, il-ħatja għandhom bżonn l-għajnuna jekk iridu jirritornaw fis-soċjetà bħala persuni mfejjqa.

L-Ispetturi Lydon Zammit spjega kif uffiċjali mir-Rapid Intervention Unit li kienu qed jagħmlu rondi fill-Ħamrun fil-ġurnata tar-reati kienu ntalbu għall-assistenza fl-inħawi tal-ġonna ta’ Sa Maison fejn anzjan ta’ 68 sena spiċċa aggredit. Huwa kien iddeskriva kif kien ġie msawwat minn ‘gang’ ta’ ħallelin li waqqfuh biex jitlobu sigarett.

L-investigaturi skoprew li kien seħħ serq ieħor, li kien jinvolvi tliet suspettati. Waqt l-interrogazzjonijiet, l-investigaturi skoprew li r-raba’ suspettat kien allegatament involut. Tliet irġeil kien investigati mill-Pulizija b’serq vjolenti l-Ħadd wara nofsinhar, u attentati oġra ta’ serq fl-istess jum kif ukoll serq ieħor fit-8 ta’ Settembru, dejjem ta’ sentejn ilu.

Mupimhidzi, Harrison u Susanto kienu ġew mixlija b’inċident vjolenti li jikkonċerna l-vittma, Malti ta’ 68 sena li seħħ fl-inħawi ta’ Sa Maison. Mupimhidzi kien qed jiġi mixli separatament li kkaġuna ġrieħi gravi fuq il-vittma. Harrison u Mupimhidzi ġew akkużati ukoll li saru reċidivi, liema akkużi tagħhom ma nstabux ħatja.

Wieħed mill-vittmi xehed fil-Qorti kif fl-20 ta’ Settembru 2020 kien miexi mill-Bombi, fejn is-siġar, fis-direzzjoni lejn il-Gżira u f’ħin minnhom avviċinawh tliet persuni. Mar fuqu wieħed minnhom u qallu “agħtini sigarettt”, f’tebqa’ t’għajn, tawh daqqa ta’ ponn, niżżluh ma’ l-art.

Huwa kellu mobile fuqu fejn wieħed fetaħlu idejh, l-ieħor għalaqlu ħalqu. “Kelli pocket bil-flus, kelli 40 Ewro u ħaduhomli, kellu pocket ieħor fejn kelli 30 Ewro u kelli portmoni u fih kelli qisu xi 15-il Ewro. … plus kelli l-ID Card, tal-Linja Card u Cashlink u ċwievet u mobile ieħor …Kollox ħadu”, qal il-vittma.

Mistoqsi kemm kienu jiswew iż-żewġ mobiles, l-anzjan qal, “l-ewwel wieħed forsi xtrajtu 40 Ewro u l-ieħor forsi xi 150, għax it-tifla kienet xtratuli. L-ieħor kien mill-antiki għax jiena ma nafx nużahom dawn” qal il-vittma. Mistoqsi fhiex kienu jinsabu l-oġġetti li qal li nsterqulu, l-anjzan wieġeb li dawn kienu f’basket li kien fih ukoll tnalja, ’tissues’ u ‘container’ bil-ħobż fih.

L-anzjan spjega wkoll li wara li ġie aggredit huwa ttieħdet l-Ispter Mater Dei permezz ta’ ambulanza u dam l-Isptar mill-Ħadd sat-Tlieta filgħaxija. Qal li kellu l-għadam ta’ taħt għajnejh miksur, kellhom isirulu xi punti u kellu ħafna tbenġil. Huwa ma kienx f’pożizzjoni jagħraf min aggredih u serqu għaliex meta qala’ daqqa ta’ ponn waqa’ ma’ l-art.

L-imputati William Kelly Harrison u Priviledge Mupimhidzi ammettew fl-istqarrijiet tagħhom li kellhom l-intenzjoni li jisirqu lill-anzjan li spiċċa aggredit hekk kif rawh għaddej mit-triq u li bħala fatt ħadulu il-mobiles u l-baskett li
kellu fuqu. Idikjaraw ukoll li l-mobiles li nsterqu ġew mibjugħa minnhom.

Fetħa f’wiċċ l-anzjan

Priviledge Mupimhidzi ddikjara li kien hu li mbotta lill-anzjan u William Kelly Harrison iddikjara li rah jaqa’ ma’ l-art u mill-ewwel ra l-fetħa li kellu u d-demm jinbeżaq minnha. Qalu li rawħ ma’ l-art, u skond William Kelly Harrison midrub għaliex ra fetħa f’wiċċu u d-demm, ħadulu l-mobiles u l-baskett li kellu, liema baskett, wara li ħadu dak li setgħu minnu, inkluż xi flus u l-mobiles, telqugħ fl-istess post.

Harrison u Mupimhidzi ma qablux bejniethom dwar min kien magħhom dakinhar fil-ħin ta’ l-esekuzzjoni tar-reat, it-tnejn iddikjaraw li magħhom kien hemm ħaddieħor. Anke l-vittma konsistentement sostna li kienu tlieta min-nies li aggredewh.

Miċ-ċertifikat maħruġ minn Dr. Rachel Gatt Meli u mix-xhieda tagħha jirriżulta li b’konsegwenza ta’ dan l-inċident l-anzjan sofra ġrieħi li ġew minnha ċċertifikati bħala gravi u l-Espert Mediku Dr. Mario Scerri kkonferma li l-ferita fuq in-naħa tax-xellug tal-wiċċ, taħt l-għajn ix-xellugija, hija riżultat ta’ daqqa ta’ ponn u li saret mill-viċin.

Vittma ieħor tas-serqa qal li fl-20 ta’ Settembru 2020 kien miexi lura lejn id-dar u għadda mill-Imasġar fejn Sa Maison u waqt li kien miexi lejn id-dar raha tliet persuni mexjin lejh. Wieħed minnhom staqsih jekk għandux sigarett u wieġbu le u dak il-ħin li wieġbu fin-negattiv, daruh tliet persuni u ppruvaw jisirquh. Dak il-ħin ipprova jaħrab però ma
rnexxilux bil-konsegwenza li qabduh mill-baskett u kaxkruh ma’ l-art.

Heddewh li jħalluh tal-post

Dan sar biex ikunu jistgħu jeħduli l-mobile u l-baskett. Kif kienu qegħdin jisirquh, wieħed minnhom għamillu ġebla ma’ rasu u waqt li kien ma’ l-art sakemm ħarġulu dak kollu li kellu fil-but u qalilhom li ma kellu xejn ħlief maskra u ‘headphones’. Wara li wriehom li ma kellu xejn, bdew mexjin fuq in-naħa tax-xellug u wieħed minnhom reġa’ avviċinah u qallu li jekk se jsegwihom u jimxi warajhom, se jħalluh tal-post.

Wara imbagħad it-tlieta telqu ‘l hemm u l-anzjan qal li beda’ miexi lejn it-triq fid-direzzjoni tad-depot però imbagħad inzerta raha karozza ta’ l-RIU faċċata u mexa lejha. Meta wasal ħdejn il-Pulizija nnota li kienu digà qabdu żewġ aggressuri, it-tnejn kellhom ġilda skura, wieħed minnhom kien liebes flokk blu u l-ieħor kien liebes flokk isfar.

Sadanittant, il-Pulizija kienu għadhom qed ifittxu lill-aggressur l-ieħor, li mbagħad qabduh matul il-ħin, bir-riżultat ta’ dan ġie rritornat il-baskett. “Dak il-ħin lill-Pulizija indikajtilhom ukoll prova għaliex x’ħin staqsewni jekk hux qed nagħrafhom għidtilhom ukoll il-kulur tal-ħwejjeġ li kienu lebsin u ddeskrivejt kif kienu jidhru minn dak il-ftit li niftakar għax ovvjament f’dak il-ħin ta’ xokk diffiċli li tagħraf il-wiċċ, però ftakart x’kienu lebsin u d-deskrizzjoni qablet ma’ dawk li l-Pulizija arrestaw dakinhar”, qal l-anzjan.

Fir-rigward ta’ wieħed mit-tlett agressuri, nforma lill-Pulizija li ma kienx ta’ ġilda skura u wkoll infurmahom li kien
liebes flokk iswed u li kien jitkellem perfettament bil-Malti. Fil-fatt ħaseb li huwa Malti. Mistoqsi x’insteraqlu, l-anzjan iddikjara li nsterqulu mobile Iphone 7+ li kien qalgħu bħala rigal u li qal li jiswa bejn wieħed u ieħor €500 jew €600.

Insteraqlu wkoll baskett tal-Fila bi tlett kuluri, blue, abjad u aħmar bl-affarijiet ta’ ġo fih, kif ukoll il-wallet li kien fih card tal-bank, il-Karta ta’ l-Identità tiegħu u tal-Linja Card, iżda flus ma kellux. Huwa ddikjara li l-oġġetti kollha ġew ritornati lilu meta mar lura d-Depot wara li mar il-Polyclinic.

Fir-rigward ta’ kif instabu dawn l-oġġetti qal li kien rahom dak il-ħin fuq il-post għaliex il-mobile nstab għax ċempillu xi ħadd fuqu u l-Pulizija mbagħad għamlu search fuq il-persuna biexgħalhekk instab il-mobile, liema mobile nstab fuq il-persuna ta’ l-imputat Ahmed Ali Salah Lawan.

Il-baskett instab x’ħin il-Pulizija sabu t-tielet akkużat, William Kelly Harrison għaliex dan x’ħin il-Pulizija sabuh qalilhom fejn qiegħed allokat il-baskett. L-anzjan għaraf lill-imputati William Kelly Harrison, Priviledge Mupimhidzi u Ahmed Ali Salah Lawan bħala t-tliet persuni li agredewh u serquh.

Huwa għaraf lil Ħarrison bħala l-persuna li talbu sigarett u li qabel ma telqu minn fuq il-post qallu li jekk isegwihom iħalluh tal-post. Għaraf lil Lawan bħala l-persuna li qabad ġebla f’idu. Minn eżami mediku li sar fuq it-tieni anzjan irriżulta li huwa ġarrab ġrieħi ħfief.

Serqa oħra minn ħdejn il-Knisja tal-Imsida

Vittma ieħor ta’ serq qal lill-Qorti li kien għaddej waħdu minn ħdejn il-Knisja ta’ l-Imsida bil-lejl għall-ħabta ta’ nofs il-lejl. Huwa kien bilqiegħda fejn il-Knisja u imbagħad beda miexi lejn Ta’ Xbiex u f’ħin minnhom sab tlieta min-nies fuq ix-xellug tiegħu u wieħed minnhom seraqlu l-mobile.

Qal li telaq jiġri wara min kien ħadlu l-mobile iżda ħarġet persuna oħra minn wara vettura, taħ daqqa ta’ sieq u waqqgħu. Huwa qam u reġa’ beda jiġri wara min ħadlu l-mobile iżda reġgħet ħarġet persuna oħra minn wara vettura u reġgħet tatu daqqa ta’ sieq.

Il-vittma qal li għaraf lili Ahmed Ali Salah Lawan, William Kelly Harrison u Priviledge Mupimhidzi bħala it-tliet persuni involuti f’din is-serqa. Huwa indika lil Lawan bħala l-persuna li serqitlu l-mobile u indika lil William Kelly Harrison bħala l-ewwel wieħed li ħareġ minn wara l-karozza, tah daqqa ta’ sieq u waqqgħu u għaraf lill Priviledge Mupimhidzi bħala t-tieni wieħed li ħareġ minn wara l-karozza, tah daqqa ta’ sieq oħra u reġa’ waqqgħu.

L-imsemmi xhud iddikjara li fil-kuntest ta’ dan l-inċident huwa weġġa’ idu x-xellugija, l-kustilji fuq in-naħa tal-lemin u siequ tax-xellug in-naħa t’isfel. Huwa għamel rapport mal-Pulizija dwar dan il-każ iżda meta l-pulizija ħarġu jfittxuhom l-ewwel darba ma sabuhomx.

Hu u sejjer id-dar il-vittma reġa’ lemaħ tnejn mill-aggressuri tiegħu iżda mhux lil min kien ħadlu l-mobile. Il-Pulizija marru fuq il-post u żammew lil dawn it-tnejn min-nies, li mill-provi rriżulta li kienu William Kelly Harrison u Priviledge Mupimhidzi, iżda fuqhom ma sabulhom xejn. Il-vittma stqarr ukoll li minbarra l-mobile, li qal li jiswa madwar €140, dakinhar serqulu ukoll flus fl-ammont ta’ €160.

Waddbulu ġebla fejn il-bus-stop tal-“Bombi

Vittma ieħor xehed illi f’Settembru 2020 f’xi ħin bejn 1:30p.m. u 3:30p.m., huwa kien qiegħed viċin il-Bombi ħdejn il-‘bus stop’ u x’ħin kien hemm, kien hemm xi nies u xi ħadd tefalu ġebla. Huwa spjega li kien hemm żewġ persuni li ħin minnhom waqqfuh għax kienu fuq iż-żewġ naħat tiegħu u wieħed minnhom tefalu ġebla u laqqtu fuq in-naħa ta’ wara ta’ rasu

Kif appena qala’ d-daqqa ħarab jiġri u mar fid-direzzjoni ta’ fuq tat-triq. Kif kien miexi fit-triq, ra karozza tal-Pulizija,
waqqafha u spjegalhom x’kien ġralu u ndika l-persuna li kien tefalu l-ġebla fuq l-inċident li kellu dak il-ħin. “Kif ġew il-Pulizija kienu qed jaqsmu t-triq u daru mar-roundabout dak il-ħin li kien hemm il-Pulizija.

“Dak il-ħin kien hemm żewġ persuni biss. Il-Pulizija żammew wieħed minnhom imbagħad il-Pulizija l-ieħor beda jkellem lili biex jara eżattament x’kien qiegħed jiġri,” qal ix-xhud, li ddikjara li dakinhar ma nsteraqlu xejn iżda kkonferma li huwa sofra ġrieħi f’rasu fuq wara. Dakinhar illi xehed quddiem il-Qorti, l-vittma għaraf lill Ahmed Ali Salah
Lawan u lil Priviledge Mupimhidzi.


Għall-finijiet ta’ piena l-Qorti ħadet in konsiderazzjoni n-natura tar-reati li tagħhom kull wieħed mill-imputati nstab ħati u b’mod partikolari l-fatt li fil-każ ta’ l-imputati William Kelly Harrison u Priviledge Mupimhidzi wieħed mir-reati imwettaq minnhom sar a dannu ta’ persuna ta’ 68 sena, iżda ħadet in konsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-imputati Deko Susanto u Ahmed Ali Salah Lawan għandhom kondotta nadifa.

Il-fatt li Harrison ikkopera mal-Pulizija tant illi fil-każ ta’ tnejn mill-viitmi parti mill-oġġetti misruqa ġew irkuprati u fil-każ ta’ wieħed mill-vittma l-oġġetti kollha misruqa ġew irkuprati, il-fatt li Harrison, Mupimhidzi u Ahmed Ali Salah Lawan ammettew fl-istqarrijiet tagħhom l-involviment tagħhom fir-reati li tagħhom instabu ħatja.

Ħadet in konsiderazzjoni dak konkluż mill-Probation Officers fis-Social Inquiry Reports tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-imputati Harrison. Lawan u Priviledge Mupimhidzi in kwantu t-tlieta li huma jidher li għandhom bżonn għajnuna psikoloġika.

Trobbija diffiċli

Il-Qorti ħadet in konsiderazzjoni tal-provvedimenti ta’ l-Artikolu 17(b)(h) tal-Kap.9 tal-Liġijiet ta’ Malta. Il-Probation Officer Svetlana Bezzina, illi ħejjiet Social Inquiry Report fir-rigward ta’ Harrison, għamlet diversi rakkomandazjzonijiet għall-fini ta’ pjan ta’ kura, fid-dawl tad-diffikultajiet emozzjonali li Harrison jidher jesperjenza, fost l-oħrajn b’riżultat tat-trobbija li huwa kellu u ddiffikultajiet li segwew tul ħajtu, jinħass il-bżonn li huwa jirċievi għajnuna psikoloġika.

B’konsiderazzjoni lejn il-fatt li lura fil-komunità Harrison bosta drabi għex ħajja instabbli kkaratterizzata minn ‘homelessness’ u anke użu tad-droga, jidher li l-probabbiltà li huwa jirċievi għajnuna psikoloġika fit-tul tkun ħafna akbar kemm-il darba huwa jibqa’ miżmum f’ambjent ristrett.

Barra minn hekk, fid-dawl tal-problemi soċjali li l-imputat jirriżulta li kellu qabel ma beda jinżamm taħt arrest, ikun ta’ ġid għall-imsemmi li jibqa’ jirċievi assistenza soċjali waqt li jinsab fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u li r-rintegrazzjoni tiegħu fil-komunità tkun waħda gradwali u ssapportjata minn professjonisti.

l-Probation Officer Maria Mifsud, illi ħejjiet Social Inquiry Report fir-rigward ta’ l-imputat Ahmed Ali Salah Lawan, għamlet diversi rakkomandazzjonijiet għall-fini ta’ pjan ta’ kura fejn għandha tiġi assessjata sew l-aspett ta’ droga jew vizzji oħra minħabba li dan l-aspett ma kienx ċar waqt il-kumpilazzjoni.

Irrakkomandat sabiex jingħata għajnuna psikoloġika sabiex jaħdem fuq diversi issues li huwa għandu li jirrigwardaw il-mewt ta’ missieru, r-relazzjoni tiegħu mal-familja tiegħu kif ukoll fuq diversi trawmi li ġie espost għalihom. L-għajnuna psikoloġika għandha tgħinu sabiex jaħdem fuq l-aspett emozzjonali sabiex jitgħallem jesprimi u jirregola l-emozzjonijiet tiegħu.

Ħeġġet li għandu jingħata għajnuna soċjali sabiex jaħdem fuq il-ħtiġijiet bażiċi ċioè impjieg u residenza fissa.
Il-Probation Officer Ivan Sultana, illi ħejja Social Inquiry Report fir-rigward ta’ Priviledge Mupimhidzi, għamel is-segwenti rakkomandazzjonijiet għall-fini ta’ pjan ta’ kura, l-aspett ta’ rabja u ribelljoni kienu u għadhom kaġun tal-problemi emm passati, preżenti kif ukoll bi predispożizzjoni għall-futur.

Jirriżulta li minkejja li kien hemm impenn ta’ terapija fil-passat sabiex dawn ikunu ndirizzati, huwa xorta baqa’ jagħżel deċiżjonijiet kaotiċi u negattivi. B’mod evidenti ta’ dan hemm bżonn ta’ aktar impenn u sapport kontinwu minn professjonisti.

Minħabba li jidher li dawn id-diffikultajiet għadhom eżistenti, b’kosnegwenza ta’ dan meta ċertu problemi jaqbżu l-limitu fil-kapaċità ta’ kontroll dan jiġi manifestat permezz ta’ rabja u ribelljoni fejn jitlef il-kontroll ta’ azzjonitu. Pjan ta’ kura mill-aspett psikoloġiku huwa essenzjali sabiex jindirizza l-bżonnijiet psikoloġiċi kif ukoll li jindirizza u jieħu deċiżjonijiet għaqlin fil-ħajja personali tiegħu.

Dan għandu jkun permezz ta’ terapija fuq l-aspetti msemmijin fi struttura kkontrollata u sussegwentement superviżjoni meta huwa jkun lura fis-soċjetà. Għal dawn ir-raġunijiet qalet il-Qort fir-rigward ta’ l-imputat William Kelly Harrison, erba’ snin ħabs li minnhom irid jitnaqqas iż-żmien li huwa għamel taħt arrest preventiv.

Għal dawn il-mottivi l-Qorti kkundannat lil Priviledge Mupimhidzi erba snin u sitt xhur priġunerija, lil Ahmed Ali Salah Lawan sentejn u tmien xhur , Deko Susanto, li ftit iċċentra f’dawn is-sitwazzjoni u reati 18-il xahar ħabs u lil Harrison għal erba’ snin u erbaż xhur ħabs.

Mit-terminu ta’ priġunerija imposti irid jitnaqqas iż-żmien li huwa għamel taħt arrest preventiv. Mis-Social Inquiry Report imħejji mill-Probation Officer Sveltana Bezzina jirriżulta tnejn mill-imputati għandhom bżonn għajnuna psikoloġika sabiex jindirizzaw l-effetti tat-trobbija tagħhom. L-Ispetturi Lydon Zammit u Mario Xiberras mexxew il-prosekuzzjoni. .