Lokali

18-il Deputat Laburista kisru l-kodiċi ta’ etika Ministerjali

18-il Ministru, eks Ministru u eks Segretarju Parlamentari kisru l-kodiċi ta’ etika ministerjali permezz tar-riklami uffiċjali li huma ppubblikaw fis-suppliment tal-gazzetta KullHadd tas-16 ta’ Jannar li għadda.

Rapport li sar mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler, ikkonkluda li l-pubblikazzjoni ta’ riklami uffiċjali f’dan is-suppliment kien mekkaniżmu biex organu tal-partit fil-Gvern jiġi sussidjat permezz ta’ fondi pubbliċi.

Dan l-infiq li jammonta għal total ta’ 16,700 ewro jirrappreżenta nuqqas ta’ separazzjoni bejn l-irwol ta’ Ministru u ta’ Membru ta’ Partit Politiku u użu ħażin ta’ fondi pubbliċi. Apparti dan jippreżenta wkoll ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità tas-servizz pubbliku għaliex infiq minn Ministeri jiġi approvat minn uffiċjali għolja fis-servizz pubbliku, li allura tpoġġew f’sitwazzjoni fejn kellhom japprovaw infiq ta’ fondi pubbliċi għal skop politiku.

Ir-rapport josserva li fil-House of Commons tar-Renju Unit, hija l-prattika li jekk Deputat jinstab li għamel użu ħażin minn riżorsi pubbliċi, jintalab iħallas lura lill-istat l-ispejjeż involuti.

Minn fost it-18-il Deputat Laburista, l-iktar persuna li nefqet fuq ir-riklam kien il-Ministru Michael Farrugia f’total ta’ 2,000 ewro. Wara jsegwu Chris Agius, Owen Bonnici, Clint Camilleri, Michael Falzon, Julia Farrugia Portelli, Jose Herrera u Edward Zammit Lewis li nefqu 1,100 ewro kull wieħed. Carmelo Abela, Ian Borg, Byron Camilleri, Miriam Dalli, Aaron Farrugia Chris Fearne, Roderick Galdes, Clifton Grima, Anton Refalo u Silvio Schembri nefqu 700 ewro. Bit-total ta’ infiq ilaħħaq is-16,700 ewro.

Fir-rapport ħareġ li l-imġiba hija aggravata fil-każ tal-Ministru Ian Borg, tal-eks Ministru Edward Zammit Lewis u l-eks Segretarju Parlamentari Chris Agius minħabba n-natura partiġjana tar-riklami tagħhom.

Fil-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li tlaqqa’ t-Tnejn kien hemm qbil li dan ir-rapport ikun ippubblikat u li l-Kummissarju George Hyzler jitla’ jixhed dwaru nhar il-Ħamis li ġej.

Fil-laqgħa tal-Kumitat, id-Deputati Nazzjonalisti Ryan Callus u Mark Anthony Sammut rrappreżentaw l-Oppożizzjoni waqt li l-Ministru Jonathan Attard u l-Whip Laburista Andy Ellul irrappreżentaw lill-Gvern.