Din l-emenda legali qed tpoġġi f’riskju kbir li l-Belt Valletta ssir destinazzjoni oħra ta’ nightclub u li din m’għandhiex tkun fil-mira ta’ kull min għandu għal qalbu l-prinċipji ta’ għanijiet ta’ tkabbir tat-turiżmu sostenibbli.
Hekk tenniet permezz ta’ stqarrija l-Assoċjazzoni tal-lukandi u r-ristoranti fejn qalet li l-Gvern jeħtieġ jiltaqa’ magħhom biex isiru d-diskussjonijiet meħtieġa b’rabta ma’ żewġ legal notices li għaddew mingħajr konsultazzjoni biex ċertu ħwienet f’zoni msemmija jibqgħu miftuħa sas-1am.
L-MHRA qed tappella lill-Gvern biex jimpenja ruħu mal-membri tiegħu b’mod komprensiv jirrevedi l-politiki relatati mat-titjib tal-Belt Valletta bħala destinazzjoni turistika ta’ kwalità fil-kuntest usa’ tal-prodott turistiku ta’ Malta. Dan jinkludi pereżempju r-raggruppament ta’ attività mużikali mat-toroq tal-Belt Valletta, tindif tat-toroq u ġbir ta’ skart, u inizjattivi konġunti ta’ kummerċjalizzazzjoni fost oħrajn.
L-Assoċjazzjoni tenniet li jeħtieġ li l-infurzar jibqa’ kritiku biex jiġi żgurat li l-ispirtu tal-Politika Nazzjonali tat-Turiżmu fil-fatt jissarraf f’azzjoni konkreta.
L-MHRA għal darb’oħra qalet li qed tikkuntattja lill-Gvern biex jiżgura li l-liġi emendata ma tispiċċax bħala loophole fis-sistema li tibdel il-Belt Valletta f’destinazzjoni oħra tat-turiżmu tal-massa.
//= $special ?>