Futbol Sport

Gareth Bale għall-Istati Uniti

Il-midfielder laterali ta’ 32 sena Gareth Bale se jkompli l-karriera tiegħu fl-Istati Uniti hekk kif jidher li laħaq ftehim ma’ Los Angeles FC. Fil-bidu ta’ Ġunju, il-plejer Internazzjonali ta’ Wales permezz tal-profil tiegħu ta’ Twitter ħabbar li l-avventura tiegħu mal-Los Blancos kienet se tispiċċa fi tmiem il-kuntratt tiegħu fl-aħħar tax-xahar.

Minn dakinhar l-ispekulazzjoni dwar fejn se tkun id-destinazzjoni li jmiss tiegħu ma’ waqfitx bl-ewwel rapporti li bdew jidhru kienu li jista jkun li Bale jibqa fi Spanja ma’ Getafe, xi ħaġa li huwa ċaħad waqt konferenza stampa qabel partita Internazzjonali ta’ Wales. Wara dan beda jissemma t-tim ta’ pajjiżu Cardiff City fejn saħansitra anke kien żar it-training ground ta’ Cardiff u anke kellu diskussjoni fit-tul mal-kowċ Steven Morison, iżda rapporti fl-Ingilterra qalu li t-talba ta’ Bale kienet wisq għolja għall-klabb taċ-Championship fl-Ingilterra.

L-MLS, il-kampjonat fl-Istati Uniti jinsab għaddej, b’aktar minn nofs il-partiti diġa ntlagħbu u għalhekk kienet deċiżjoni ideali għal Bale li jingħaqad ma’ Los Angeles FC sabiex ikun fil-forma għat-Tazza tad-Dinja tal-Qatar li tibda f’Novembru, xahar wara li jispiċċa l-kampjonat.

(Ritratt: EPA)

Los Angeles FC jinsabu fl-ewwel post tal-Weststern Conference bi 33 punt, erba’ punti fuq it-tim ta’ warajhom Real Salt Lake u disa’ fuq ir-rivali tagħhom LA Galaxy, li jinsabu fis-sitt post b’24 punt. Aktar kmieni dan ix-xahar Los Angeles FC ħabbru l-akkwist tal-eks difensur ta’ Juventus u tat-tim Nazzjonali Taljan Giorgio Chiellini.

Ma Real Madrid Bale fost oħrajn rebaħ 5 darbiet il-UEFA Champions League u 3 darbiet il-Kampjonat Spanjol (La Liga).

(Ritratt: EPA)