Lokali Parlament

Heritage Malta għandha tonora l-obbligu tagħha li tirrestawra u tamministra s-siti storiċi

Ritratt: Matthew Tabone

Julie Zahra, PN

Id-deputat Nazzjonalista Julie Zahra enfażizzat li Heritage Malta għandha tonroa l-obbligu tagħha li tirrestawra u tamministra s-siti storiċi.

Fid-dibattitu parlamentari dwar l-estimi tad-dħul ta’ Patrimonju Malta u s-Sovratindenza Kulurali Julie Zahra qalet li Heritage Malta għas-sena 2021, baqa’ fejn kien meta mqabbel mar-rapport finanzjarju, jiġifieri €15.8 miljun, l-ispiża kienet stmata li ser tkun waħda ta’ €16.4 miljun u li jħalli żbilanċ ta’ aktar minn nofs miljun Ewro. Iżda r-rapport finanzjarju juri mod ieħor, għaliex filwaqt li d-dħul baqa’ fejn kien, l-ispiża ta’ Heritage Malta telgħet għal aktar minn €17.2-il miljun. Dan ifisser li l-iżbilanċ ta’ Heritage Malta għas-sena l-oħra kien ta’ aktar minn €1.4 miljun – żieda ta’ kważi €900,000 aktar fuq dan li kien stmat.

Kif jista’ wieħed jasal biex jifhem, li fid-dawl ta’ din il-kriżi, kellha bżonn l-assistenza diretta tal-Gvern biex l-ispejjeż ta’ Heritage Malta jiġu sostnuti, fejn l-infieq żdied bi €800,000 oħra?! L-istess estimi pproġġettaw dħul ta’ €16.6 miljun u infieq ta’ €17-il miljun. Iżda issa f’daqqa waħda dawn l-estimi reġgħu inbidlu f’estimi ġodda, li filwaqt li qegħdin jipproġettaw dħul addizzjonali ta’ €350,000, qegħdin ukoll jipproġettaw żieda fin-nefqa ta’ Heritage Malta għal din is-sena ta’ €700,000 għal total ta’ kważi €18-il miljun u li ser iħalli żbilanċ ta’ kważi €800,000. Dan jiġi d-doppju tal-iżbilanċ li diġà kien stmat għal din is-sena.

Fl-estimi għas-sena d-dieħla, l-2023 hemm xi ħaġa li ma tagħmilx sens. Għaliex filwaqt li l-pajjiżi kollha qegħdin jinnormalizzaw ruħhom wara l-eqqel tal-pandemija, inklużha Malta, u t-turiżmu, għalkemm mhux fil-livelli ta’ qabel, qiegħed jerġa’ jieħu l-ħajja, Heritage Malta qegħda tipproġetta dħul ta’ kwazi €17-il miljun – l-istess livell ta’ din is-sena – anzi €11,000 inqas!

Filwaqt li d-dħul għas-sena ddieħla hu pproġettat li jibqa’ fl-istess livell ta’ din is-sena, l-infieq ser jitla’ minn kważi €17.8 miljun għal €18.5 miljun – li jfisser żieda ta’ €700,000 – u li ser jirdoppja l-iżbilanc ipproġettat għal din is-sena għal kważi €1.5 miljun!

Hemm proġettata żieda ta’ nofs miljun f’salarji ġodda biex jiddaħlu persuni f’ċertu dipartimenti biss, bħal dawk tal-marketing u tal-finanzi.

Hemm ukoll każi fejn lanqas inħarġu applikazzjonijiet għal ċerti pożizzjonijiet, aħseb u ara kemm sar skrutinju ta’ dawn il-persuni, u sempliċiment jitfaċċaw nies ġodda li ħadd ma jaf minn fejn ġew minbarra wkoll li lanqas ikollhom il-kwalifiċi neċessarji u li b’riżultat ta’ dan qegħdin isiru żbalji tal-mistħija u infantili.

Allura, Heritage Malta qed timpjega n-nies biex tkabbar l-investiment tagħha r-riżorsa umana tagħha stess jew forsi huma salarji li minnhom il-Ministru jkun jista’ jroxx il-pjaċiri fil-kostitwenzi tiegħu kif issa xbajna naraw f’kważi kull entità tal-Gvern?

Wieħed jistenna li biex iżid id-dħul jonfoq aktar fi promozzjoni, iżda dan il-Gvern mhux hekk jimxi għaliex filwaqt li sab minn fejn iżid in-nefqa tiegħu għal Heritage Malta b’€700,000 , minkejja li d-dħul baqa’ kif kien – l-ispiża allokata għal promozzjoni naqset minn €600,000 fl-2021 għal stima ta’ €450,000 għal din is-sena u s-sena d-dieħla se tiżdied bi €30,000 għal €480,000! Mela żdiedu n-nies, u naqas l-ammont għall-promozzjoni!

Ara biex nefaq €120,000 biex jibdel il-logo ta’ Heritage Malta u jnediha bl-akbar pompa u ċerimonji biex żgur ikollu ftit minuti fl-aħbarijiet, hemmhekk ma’ kienx hemm problema! Kien hemm bżonn li propju issa wara sentejn ta’ pandemija, fejn skond dawn l-istess estimi Hertiage Malta tilfet ħafna dħul, kellha tibdel il-logo tagħha? Ikkupjat jew le, żgur li l-bdil tal-logo ma kinitx prijorità f’dan il-mument, minbarra l-estravaganza tat-tnedija tiegħu.

In-nefqa ta’ €120,000 għall-bdil ta’ logo ta’ din l-aġenzija u ċerimonja biex minnha jibbenefika l-Ministru, kienet prijorità għall-wirt nazzjonali ta’ pajjiżna? Il-Ministru jkun jista’ jtina spjegazzjoni ta’ x’se tiggwadanja minn dan il-Heritage Malta u jekk iħossx li din kienet prijorità f’sitwazzjoni fejn l-istess Heritage Malta qed titlef il-flus; żbilanċ tad-doppju ta’ dak li għamlet is-sena li għaddiet u li se jitla’ għal kważi €1.5 miljun.

Il-Ministru għandu jagħti d-dettalji kollha tad-direct order ta’ kważi €1.2 miljun li tat Heritage Malta għal kiri ta’ mħażen f’Ħal Far. Jeħtieġ li Heritage Malta talloka r-riżorsi u d-dħul kollu tagħha fuq bżonnijiet aktar urġenti bħat-telqa li hemm f’ċertu siti u mużewijiet. Wieħed ukoll jistaqsi għaliex Heritage Malta, ma timbarkax fuq proġetti nazzjonali oħra bħal per eżempju li ssaqqaf it-tempji neolitiċi kollha li għandna f’pajiżna, biex tippreservahom mill-elementi, jew li ddawwar kull sit storiku tassew f’esperjenza unika għal min iżuru, anki permezz ta’ aktar introduzzjoni tat-teknoloġija bħala augumented reality, ologrami u oħrajn, u li hawn tant persuni promettenti f’dan is-settur.

Heritage Malta m’hiex qegħda hemm biex tispiċċa tagħmilha ta’ aġenzija għall-kiri ta’ siti ta’ patrimonju nazzjonali għal attivitajiet jew tiġijiet iżda ġiet imwaqqfa biex tamministra s-siti ta’ wirt nazzjonali, tippreservahom u tippromwovihom.

Imma l-aktar inkwetanti hi li l-outreach programme ta’ Heritage Malta mhux qed jilħaq lill-poplu in ġenerali. populisti u elitisti. Ħafna mis-siti storiċi tagħna joffru aċċess bla ħlas, iżda mhux kollha. L-Ipoġew iżomm €35 lil kull persuna minn 18-il sena ‘l fuq, €20 lil kull persuna ta’ bejn it-12 u s-17-il sena u dawk ta’ 60 sena ‘l fuq u €15 lil tfal bejn is-6 u l-11-il sena. Mela l-Maltin sejrin iżuru sit storiku f’dawn il-prezzijiet? It-turist iva, it-turist iħallas, iżda mhux il-Maltin. Hu ċar li fuq livell nazzjonali, ma teżisti l-ebda viżjoni ħolistika, iżda sempliċiment pjan biex nivvintaw kull okkażjoni possibbli biex il-Ministru jidher fuq it-televiżjoni jew f’xi ritratt u nipparteċipaw f’attivitajiet estravanganti. L-ewwel tirranġa darek u tbiddel il-mentalità Ministru, imbagħad tbiddel id-dehra.

L-estimi finanzjarji tas-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali juru li fl-2021, din l-istess Sovritendenza kellha dħul ta’ €1.6 miljun, €1.5 miljun minnhom allokati b’mod dirett mill-Gvern, u li minnhom kważi €1.3 miljun intefqu f’salarji. Iżda hawnhekk hawn każ differenti fejn il-ħidma tas-Sovritendenza żdied bil-kbir minħabba fiż-żieda tas-siti ta’ patrimonju kulturali.

Il-Gvern allura, qiegħed joffri għajnuna tanġibbli billi jinvesti biżżejjed fir-riżorsi umani u li f’din l-entità huma persuni speċjalizzati fil-qasam tagħhom? Il-Gvern, konxju minn sitwazzjoni li Malta ma toffriex korsijiet fil-qasam tar-restawr u l-konservazzjoni, u allura min hu nteressat f’din il-karriera irid jieħu kors barra minn Malta?

Qiegħed jinċentiva billi joffri li jiffinanzja, b’mod sħiħ jew parzjali dan l-istudju? Fuq kollox qiegħed jinvesti f’teknoloġija adekwata u moderna li tgħin lil din l-entità twettaq xogħolha bl-iktar mod professjonali kif jiġri f’pajjiżi oħra? Jidher ċar li le, għaliex meta wieħed iħares lejn l-investiment fit-teknoloġija tas-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali l-ammonti huma miżeri għall-aħħar. Tad-daħq! U qiegħed il-Gvern jaħdem biex jgħarraf lin-nies hemm barra x’inhi l-funzjoni tagħha, jew qisna għandna entità fantażma li dak li jkun jisma’ biha b’kumbinazzjoni u iktar jaraha ta’ mpediment milli ta’ għajnuna?