Internazzjonali

Il-Ġappun: Emerġenza tad-dawl għal Tokjo u l-madwar

Il-Gvern Ġappuniż ħeġġeġ biex ir-residenti f’Tokjo u l-madwar jużaw anqas elettriku waqt il-jum tat-Tnejn fost twissijiet li l-provvista tad-dawl spiċċat taħt pressjoni kbira minħabba li l-pajjiż qed jiffaċċja mewġa tas-sħana straordinarja.

Il-Ministeru Ġappuniż għall-Ekonomija, il-Kummerċ u l-Industrija qed jistenna li d-domanda għall-elettriku tkun akbar minn tas-soltu fil-jiem li ġejjin u ħeġġeġ biex in-nies fil-kapitali jitfu d-dwal li mhumiex neċessarji anki waqt li jużaw is-sistemi tal-airconditioning biex ma jimirdux bl-effetti tas-sħana.

Din l-‘emerġenza tad-dawl’ kienet pjuttost mistennija aktar ma jiżdiedu t-temperaturi fil-Ġappun.

Fi tmiem il-ġimgħa, it-temperaturi fiċ-ċentru ta’ Tokjo qabżu sew il-35 grad Celsius waqt li l-belt ta’ Isesaki, lejn il-grigal tal-kapitali, irreġistrat temperaturi ta’ 40.2 gradi Celsius li kienu l-ogħla qatt irreġistrati fil-Ġappun għax-xahar ta’ Ġunju.