Lokali Turiżmu

“Il-Gvern qed jipprova jattira t-turiżmu bil-medjokrità”

Malta għandha ħafna x’toffri, kemm jekk f’termini tal-istorja tagħha, tal-kultura u anke tat-temp. Dawn huma biss ftit minn ħafna affarjiet sbieħ li ghandu pajjizna. Madnakollu, illum, xorta mhux jirnexxielna nattiraw turisti ta’ kwalità.

Hekk iddikjara l-Editorjal ta’ The Malta Independent fejn qal li l-Gvern qed juża’ l-buzzwords ta’ turiżmu ta’ kwalità. Iżda fir-realtà qed naraw problemi kbar, u meta tgħid dan kollu, u ma toffrix il-kwalità tkun qed tgħum fil-“medjokrita’.

Fl-analiżi li wettaq l-editur ingħatat ħarsa lejn l-aħħar episodji li qed naraw spiss fuq il-midja, bi ġlied f’Paceville, San Ġiljan u Tas-Sliema.

L-editorjal jgħid li Malta b’mod ġenerali tibqa’ pajjiż sigur ħafna fejn tgħix. Iżda fl-istess ħin qed ninnutaw inċidenti li seħħew fl-aħħar ġimgħat b’argumenti li anki wasslu biex persuni li jiġu maqtula.

L-editorjal jistqarru wkoll li it-terminu tal-ambjent m’għandux ikun ristrett għan-nuqqas ta’ spazji ħodor miftuħa. Iżda hija wkoll kwistjoni ta’ ndafa, ta’ storbju, u dak li jolqot l-għajn.

It-turisti jħossuhom mhux milqugħa bl-aqwa mod meta żoni li suppost huma maħsuba li jkunu fost l-aktar turistiċi issa huma kkaratterizzati minn bini ddisinjat b’mod tant griż u deprimenti li wieħed jistaqsi kif issawru b’dan il-mod. Wieħed ukoll jistaqsi dwar kif turist jista’ jħossu tajjeb meta jgħaddi minn bankina meħuda kważi esklussivament mir-ristoranti, u ftit spazju għan-nies… u dan jgħodd ukoll għall-Maltin li jippruvaw jgħaddu minn fuq l-istess bankini.

Intqal wkoll li rridu nagħrfu l-ilmenti li saru fuq il-kwalità tal-ħajja u l-prezzijiet ta’ stabbilimenti  tal-ikel u l-ospitalità, partikolarment fejn jidħlu ristoranti. U jeħtieġ li wieħed jieħu azzjoni fuq l-istaff fl-istabbilimenti tal-ikel, u l-mod kif anki bajjiet pubbliċi qed isiru kważi tal-privat.

L-editorjal għalaq billi tenna li bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti, u jeħtieġ li l-Gvern jieħu ħsieb li ma jagħmilx biss buzzwords għat-turiżmu, iżda joffri tassew dak li qed nirreklamaw bħala prodott.