Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ir-Russja tkompli bit-terrur fuq iċ-ċivili bi sparatura fuq ċentru kummerċjali

Għexieren – jekk mhux mijiet — ta’ ċivili x’aktarx li tilfu ħajjithom wara li missila sparata mill-Armata tar-Russja laqtet u qerdet ċentru kummerċjali li kien ippakkjat bil-mijiet tan-nies.

Iċ-ċentru jnsab fil-belt ta’ Kremenchuk, bl-aħħar rapporti jgħidu li ħafna ċivili spiċċaw maqbudin fil-kumpless mingħajr iċ-ċans li jsibu xi aċċess għal barra.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li wieħed ‘bilkemm jista’ jimmaġina’ l-ammont potenzjali tal-vittmi – bl-ammonti ta’ maqtula għandhom ikunu konsiderevoli fiċ-ċirkustanzi.

S’issa kienu konfermati talanqas għaxra mejtin – bi 30 oħra jisfaw midruba.

Dan meta bħalissa telgħin in-nirien kbar miċ-ċentru kummerċjali fejn hemm diversi skwadri għall-emerġenza li qed jikkumbattu mal-fjammi.Hu kkalkulat li kien hemm ftit aktar minn 1,000 ruħ fil-kumpless fil-ħin meta laqtet il-missila.

L-attakk, intant, qed jitqies bħala parti mill-offensiva brutali tal-President Russu Vladimir Putin, fuq il-poplu ċivili tal-Ukrajna.

Dan fost indikazzjonijiet akbar li l-Kremlin ta’ Moska qed jagħmel minn kollox biex ma jħallix lill-Ukreni – irġiel, nisa u tfal innoċenti – jgħixu ħajja normali, b’dawn in-nies qed jispiċċaw dejjem aktar mira għall-magna tal-gwerra Russa.

Diversi partijiet tal-kumpless kummerċjali ta’ Amstor qegħdin jaqbdu waqt li nġabru n-nies fuq barra biex isegwu x-xeni orribbli, fost l-għajjat u twerżiq tan-nifs maqbudin fuq ġewwa.

Il-belt ta’ Kremenchuk tinkludi zona industrijali u tinsab qrib ix-xatt tax-Xmara Dnipro – u xi 200 mil ‘il bogħod mill-kapitali Kiev.

Intant, Volodymyr Zelensky, waqt li tkellem dwar l-aħħar atroċità fuq il-poplu tiegħu, qal li Moska qed timmira speċifikament għall-Ukreni li qed jippruvaw jgħixu ħajjithom taħt id-dell tal-gwerra li insista dwarha Vladimir Putin.

Fl-istess ħin, Zelensky għamilha ċara li ċ-ċentru kummerċjali ma kien ta l-ebda theddida għall-Armata Russa u lanqas ma għandu xi valur strateġiku għall-qawwiet tal-Kremlin.