L-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja ddominat it-taħditiet waqt it-tieni jum tas-summit tal-G7 (l-aktar seba’ pajjiżi industrijalizzati) li kien qed isir fil-Bavarja, fil-Ġermanja.
Sadanittant, spikkat fuq kollox is-sejħa tal-President Ukren, Volodymyr Zelensky, biex pajjiżu jingħata aktar armamenti mill-Punent meta qed ikollu jikkonfronta Armata (tar-Russja) li hi ferm superjuri għal tiegħu fejn jidħlu kwantitajiet ta’ suldati u tagħmir tal-gwerra.
Zelensky, li kien qed jindirizza s-summit permezz ta’ videolink, qal li jrid li l-gwerra fl-Ukrajna tikkonkludi sal-aħħar ta’ din is-sena ‘u qabel tilħaq tidħol ix-xitwa f’dak ir-reġjun.
Hu fl-istess ħin ħeġġeġ lill-Mexxejja tal-G7 biex jippersistu bil-pressjoni fuq ir-Russja, fost id-diversi appelli għal sistemi ta’ difiża kontra l-attakki bl-ajruplani u biex l-istess mexxejja jippreżentaw pakkett ġdid ta’ sanzjonijiet għat-Tmexxija tal-Kremlin ( f’Moska).
Intant, il-pajjiżi tal-G7 diġà qed jippjanaw biex joffru aktar appoġġ militari lill-qawwiet ta’ Zelensky. Fl-istess ħin, qed jidhru imminenti s-sanzjonijiet ġodda għall-Gvern Russu, b’numru ta’ pajjiżi jippjanaw biex jipprojbixxu l-importazzjonijiet tad-deheb mir-Russja, li fil-preżent qed tħoss sew l-impatt tas-sanzjonijiet preċedenti.
Ir-rapporti qalu wkoll li l-grupp tal-G7 kien qed iħejji sanzjonijiet ġodda għaż-żejt li tipproduċi r-Russja u meta lanqas ma kienu esklużi xi forom ta’ tariffi fuq dan il-pajjiż.
Il-Mexxejja tal-G7, matul is-summit, ħarġu stqarrija konġunta fejn wiegħdu appoġġ lill-Ukrajna ‘għaż-żmien kollu li hemm bżonn’. L-istqarrija wissiet ukoll biex ir-Russja tippermetti l-movimenti tal-ikel ‘mingħajr xkiel’ mill-portijiet tal-Ukrajna.
Meta tkellem waqt is-summit, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, qal li ‘il-pajjiżi kkonċernati jeħtieġu jħallsu l-prezz li hemm bżonn biex jiggarantixxu l-libertà għall-Ukreni u l-kumplament tal-Ewropa’. Hu mill-ġdid esprima solidarjetà mal-Ukreni u qal li l-aktar pajjiżi industrijalizzati fid-dinja jridu jgħinu lill-Ukrajna biex tipproteġi liċ-ċittadini tagħha filwaqt li tibni l-ekonomija tagħha mill-ġdid.
Johnson, fl-istess ħin, sejjaħ għall-azzjoni kollettiva biex il-provvisti tal-qmuħ ikunu jistgħu jinħarġu mill-portijiet tal-Ukrajna li jinsabu assedjati minn kull naħa mill-qawwiet Russi. Intant, żdied l-inkwiet dwar ‘mewġa ta’ ġuh potenzjali’ għall-pajjiżi tal-Afrika u l-Lvant Nofsani peress li s-sitwazzjoni fl-Ukrajna għadha qed tħalli riperkussjonijiet fuq livell globali.
Sadanittant, il-qawwiet Russi qed jikkonsolidaw il-kisbiet militari wara l-aħħar battalji mat-truppi Ukreni fir-reġjun tad-Donbas, lejn il-lvant tal-Ukrajna. Dan waqt li ċ-ċivili residenti fil-belt ta’ Lysychansk kienu mħeġġa biex jitilqu fost il-ġlied li kien għadu għaddej fl-inħawi. Din il-belt għadha l-aħħar waħda li baqgħet f’idejn it-truppi Ukreni fil-provinċja sħiħa ta’ Luhansk.
Rapporti oħra qalu li r-Russja naqset milli tonora l-obbligi fir-rigward tad-djun tagħha għall-ewwel darba mill-1918. Iżda waqt li s-sitwazzjoni qed turi l-effettività tas-sanzjonijiet, il-kelliema f’Moska qalu li l-hekk-imsejjaħ ‘default’ mhux problema għaliex skont huma, ir-Russja kienet għamlet il-pagament dovut li ma wasalx għand il-kredituri proprju minħabba l-impatt ġenerali tas-sanzjonijiet li qed ikunu imposti fuqha mill-Punent.
//= $special ?>

