Fl-aħħar 24 siegħa nstabu 417 każ ġdid tal-Covid, filwaqt li fiequ 162 persuna oħra biex il-każi attivi issa huma ta’ 5,207.
Fortunatament, l-ebda persuna ma sfat vittma tal-virus fl-aħħar sigħat, bit-total ta’ vittmi jibqa’ dak ta’ 740.
Fuq medja, iktar minn 1,500 persuna qed jagħmlu swab test… iżda dan it-total ma jinkludix dawk il-persuni li jagħmlu self-test id-dar.
Intant, minkejja li ta’ kuljum qed inkomplu naraw il-każi attivi jiżdiedu, numru kbir ta’ anzjani qed joqgħodu lura mili jieħdu t-tieni doża tal-booster.
Filwaqt li qed isiru sejħiet kontinwi mid-Dipartiment tas-Saħħa biex minnufih javviċinawhom biex jieħdu l-vaċċin, s’issa ċ-ċifri qed jindikaw li mhux qed japplikaw l-istess ammont ta’ persuni sabiex jieħdu l-booster daqs ix-xhur preċedenti.
L-akbar ammont ta’ anzjani li ħadu t-tilqima tal-booster kienu dawk li għandhom iktar minn 80 sena, jiġifieri 60% minnhom. Dawk ta’ età bejn is-70 u t-80 sena ħadu l-booster 44% filwaqt li kienu 32% biss li ħaduha u għandhom bejn il-65 u s-70 sena.
Fl-aħħar jiem, tul il-programm Net Live, il-Professur Charmaine Gauci appellat biex il-pubbliku fejn jista’ jibqa’ jilbes il-maskri, speċjalment meta jkun fir-rassa.
//= $special ?>