Internazzjonali

Il-Kolombja: Numru ta’ imwiet traġiċi f’arena għall-ġlied mal-barrin

Mietu talanqas erba’ persuni, b’il fuq minn 300 jindarbu, wara li ċediet parti minn arena pakkjata bin-nies li kienu qed jassistu għall-ġlied mal-barrin – avveniment li kien qed isir bħala wieħed mill-ispettakli tradizzjonali f’dan il-pajjiż.

Ir-rapporti qalu li stand tal-injam fl-arena, li kien għoli tliet sulari, ċeda f’daqqa bl-ispettaturi kollha. It-traġedja seħħet fis-stadium ta’ El Espinal, fir-reġjun ta’ Tolima fiċ-ċentru tal-Kolombja, bl-awtoritajiet lokali jibdew minnufih investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ negliġenza u nuqqas ta’ manutenzjoni.

Il-kroll wassal għal paniku sħiħ fost l-ispettaturi, waqt li barri baqa’ idur waħdu fl-arena fejn in-nies kienu qed jippruvaw jaħarbu mill-inħawi.

It-tradizzjoni tal- “corraleja” fil-Kolombja  tinvolvi l-parteċipazzjoni tal-membri tal-pubbliku li huma mħeġġa biex jidħlu fl-arena ħalli ‘jisfidaw’ lill-barrin bħala parti mill-ispettaklu.

Dan l-avveniment partikulari kien qed isir bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festival popolari ta’ San Pedro.

Intant, il-mejtin fil-kroll tas-stand jinkludu żewġ nisa, raġel u tfajjel. L-uffiċjal tas-saħħa ewlieni fir-reġjun  qal li ‘il fuq minn 320 midruba fl-inċident kienu ddaħħlu l-isptar għall-kura, b’numru minnhom jispiċċaw fit-taqsimiet għall-kura intensiva.

Min-naħa tiegħu, il-President-elett tal-Kolombja, Gustavo Petro, ħeġġeġ biex l-uffiċjali u s-sindki, ‘il quddiem, jipprojbixxu avvenimenti bħal dawn ‘u biex huma  ma jippermettux għal aktar hekk-imsejħa spettakli li jinvolvu l-imwiet tan-nies jew l-annimali’.