Lokali Parlament

Il-wirt storiku m’għandux jaqa’ f’idejn nies bla skrupli

Graziella Attard Previ, PN

Il-wirt nazzjonali m’għandux jaqa’ f’idejn nies bla skruplu iżda għandu jkun ta’ kulħadd biex jitgawda minn kulħadd.

Dan sostnietu d-deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ meta kienet qed titkellem fid-dibattitu parlamentari dwar l-Estini ta’ Patrimonju Matra u s-Sovratindenza tal-Patrimonju Kulturali.

Graziella Attard Previ qalet li l-poplu hu obbligat lejn il-ġenerazzjonijiet futuri biex il-wirt storiku jkun konservat. Hi qalet li tul is-snin sar investiment fil-wirt kulturali għalkemm qatt m’hu biżżejjed; jeħtieġ li l-fondi jkomplu jiżdiedu f’dawn is-settur għaleix dan hu investiment għall-futur u fit-tfal.

Graziella Attard Previ qalet li l-mużewijiet qed jagħti attenzjoni lit-tfal; dan hu element pożittiv. Kull mużew għandu jkollu sezzjonijiet dedikati lit-tfal biex dawn japprezzaw l-istorja minn meta jkunu tfal. Jeħtieġ li anki jibidel il-mod kif ikun mgħallem is-suġġett tal-istorja.

Il-mużewijiet u esperjenzi edukattivi/kulturali jistgħu jknu ta’ ġid kbir għall-istudenti. Il-mużewijiet għandhom jinbidlu f’ċentri ta’ tagħlim biex l-istorja ta’ Malta tkun mgħallma.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-mużewijiet għandhom ikunu mgħammra bil-faċilitajiet neċessarji għat-tfal bl-awtiżmu. Is-siti kollha ta’ Heritage Malta għandhom ikunu miftuħa għall-pubbliku. X’inhi r-raġuni li siti storiċi huma magħluqa; uħud minnhom kisbu fondi mill-UE?

Hi semmiet it-telephone boxes ta’ żmen l-Ingliżi li għandhom valur storiku u appellat biex dawn ikunu konservati. Il-gvern għandu joħloq iktar skemi ta’ għajnuna biex il-gallariji tal-injam ikunu preservati.

Hi staqsiet x’sar minnhom l-investigazzjonijiet dwar l-oġġett storiku ta’ żmien l-Ingliżi li jisab fil-pussess tal-Minitru Refalo.