Lokali Qorti

Jamie Vella jibda strajk tal-ġuħ fil-ħabs minħabba l-kwalità tal-ikel

Jamie Vella, r-raġel akkużat li pprovda l-bomba li qatlet Daphne Caruana Galizia minn dalgħodu beda strajk tal-ġuħ minħabba l-kwalità tal-ikel li qed jingħataw il-priġunieri. Dwar dan it-Tlieta 28 ta’ Ġunju l-avukat tiegħu Ishmael Psaila mistenni jippreżentaw protest fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili.

Jamie Vella, li flimkien mal-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufin bħala tal-Maksar, jinsab mixli bl-involviment bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizija fl-2017 u dak tal-Avukat Carmel Chircop fl-2015. Id-difiża ta’ Vella qed tgħid li ilha tilmenta biex ikun titjieb fil-kwalità tal-ikel fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u minkejja li kienu mwegħda li se jsir xi ħaġa, l-ikel ħażin kien u ħażin baqa’.

Fil-fatt kienu wkoll mitkellma l-awtoritajiet tal-ħabs dwar dan u minkejja l-wegħdi baqa’ ma sar xejn. Ingħad ukoll li Jamie Vella huwa ‘type 2 diabetic’ u saħansira huwa anke jrid iħallas għal ikel tiegħu stess. Mhux eskluż li priġunieri oħra jingħaqsu ma’ Jamie Vella fl-istrajk li huwa qed jagħmel. Vella ilu miżmum taħt arrest preventiv għal 16-il xahar, u għamel diversi talbiet biex jingħata l-pleġġ.

Madankollu diversi Qrati dejjem ċaħdu t-talba minħabba l-biża’ li hu jbagħbas l-evidenza jew jaħrab, xi ħaġa li huwa ilu jwiegħed li dan mhux se jseħħ. Psaila dejjjem sostna li l-pulizija kienet iddikjarat l-investigazzjoni magħluqa ħafna xhur ilu, iżda li l-Avukat Ġenerali dejjem jgħid lill-Qorti li l-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin fir-rigward ta’ Vella.

Id-difiża dejjem argumentat li ma kienx ġust li Vella jinżamm arrestat, filwaqt li persuni oħra suspettati b’involviment fir-reat kienu għadhom jiġrubarra. “Għandha ssir ġustizzja ma’ kulħadd”.