Futbol Sport

Kampjonati Ewropej ta’ taħt id-19-il sena: Iżrael isiru r-raba’ semi finalisti

Jiġi fit-tmiemu Grupp B, fil-fażi finali tal-Kampjonati Ewropej ta’ taħt id-19-il sena li qed jintlagħbu bħalissa fis-Slovakkja, bl-Ingilterra tirbaħ dan l-istess grupp b’punti massimi wara tliet partiti, meta f’match day 3, l-iskwadra mmexxija minn Ian Foster għelbet lill-Iżrael 1-0.

Il-gowl li ddeċieda kollox f’din il-logħba kien skorjat wara sitt minuti logħob, mill-attakkant ta’ 19-il sena li jilgħab maċ-champions tal-Premier League, Manchester City, Liam Delap.

B’din it-telfa Iżrael irriskjaw serjament li ma jikkwalifikawx għas-semi-finali ta’ dawn il-Kampjonati Ewropej, iżda dak li ġara fil-partita l-oħra mill-istess grupp, ċioé Awstrija kontra Serbja, iffavorixxa lil Iżrael.

Dan għaliex l-Awstrija rebħu 3-2 kontra t-tim nazzjonali Serb, biex b’hekk wara tliet partiti f’din il-kompetizzjoni Awstrija rrnexxilhom jiksbu l-ewwel punti tagħhom, b’Serbja, li qabel din il-logħba kellhom biss punt wieħed mirbuħ f’dan il-grupp, fallew iċ-ċans li setgħu jkunu huma li jagħmluha għas-semi-finali ta’ dawn il-Kampjonati Ewropej ta’ taħt id-19-il sena.

L-Awstrijaċi marru minn fuq fil-partita wara 25 minuta permezz ta’ Leopold Querfeld. Minuta qabel il-mistrieħ, l-akkwist il-ġdid taċ-champions Taljani Milan, Marko Lazetic skorja l-gowl tad-dro għas-Serbja.

Għaxar minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, l-Awstrija reġgħu marru fil-vantaġġ u reġa’ kien Leopold Querfeld li sab ix-xibika għal 2-1. Fis-66 minuta, Lukas Wallner kabbar id-distakk tal-Awstrija għal żewġ gowls bil-gowl tat-3-1.

Fit-88 minuta, tasal ir-reazzjoni tas-Serbi, b’gowl ta’ Petar Ratkov għal skor ta’ 3-2; liema gowl wasal xi ftit tard għaliex sal-aħħar tal-partita, l-Awstrija ddefendew il-vantaġġ ta’ gowl waħdini biex rebħu l-partita, u b’hekk temmew il-grupp fit-tielet post u minkejja l-eliminazzjoni tagħhom minn din il-kompetizzjoni, huma issa se jilgħabu l-play-off għal post fit-Tazza tad-Dinja ta’ taħt l-20 sena kontra s-Slovakkja.