Lokali Parlament

Ksur ta’ etika fil-mod kif il-Gvern kien jagħti r-riklami lill-media tal-Partit Laburista

Ir-rapport mill-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler li stabilixxa ksur ta’ etika fil-mod kif il-gvern Laburista kien jagħti riklami lill-media tal-Partit Laburista se jkun pubblikat.

Dan kien konfermat fil-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li qabel ukoll li l-Kummissarju Hyzler jissejjaħ biex jixhed dwar dan ir-rapport.

Fil-laqgħa tal-Kumitat, id-deputati Nazzjonalisti Ryan Callus u Mark Anthony Sammut rrappreżentaw l-Oppożizzjoni waqt li l-Ministru Jonathan Attard u l-Whip Laburista Andy Ellul rrappreżentaw lill-Gvern.

L-Ispeaker qal li l-Kummissarju għall-Istandards sab ksur ta’ etika u sostna li l-pubblikazzjoni mmedjata tar-rapport tista’ timpatta fuq ix-xogħol tal-Kumitat. Hu kompla li l-membri għadhom ikunu liberi li jiddeliberaw bla pressjoni tal-media u staqsa jekk din il-proċedura għandhiex titkompla billi jkun pubblikat inkella jkunx hemm deliberazzjoni qabel issir diskussjoni.

Mark Anthony Sammut qal li f’każi fejn ma jissemmewx terzi persuni ħlief ministri u segretarji parlamentari, ir-rapport għandu jkun pubblikat. Ryan Callus qabel li r-rapport għandu jkun pubblikat.

Il-Ministru Jonathan Attard qal li l-gvern m’għandux oġġezzjoni li r-rapport ikun pubblikat u għalhekk il-Kumitat iddeċieda li jkun publbikat b’mod immedjat.