Sport Sport Ieħor

Luttu fiċ-Ċikliżmu lokali bil-mewt ta’ Jack Schiavone

Il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu tinsab f’luttu bla limiti wara li tħabbret il-mewt ta’ membru tagħha, Jack Schiavove fl-eta’ 52 sena. Iċ-ċikliżmu lokali tilef parti ferm importanti minnu, tilef ikona kbira, atleta, kowċ, sportiv kbir u sostenitur ċiklistu ppassjonat ta’ veru. Anke din hija telfa kbira għall-isport Malti inġenerali. Jack li kif jafuh bosta, kien bniedem ta’ qalb kbira u li ħabb iċ-ċikliżmu sa minn eta’ żgħira. Ħafna ċiklisti jafuh bħala l-persuna ċajtiera b’sens kbir ta’ umoriżmu. Jack kien raġel rispettat fil-komunità taċ-ċikliżmu li kkontribwixxa tant b’mod passjonat, kif ukoll kien wieħed li ggwida ħafna żagħżagħ fit-triq it-tajba. Mijiet ta’ nies għandhom l-imħabba tagħhom lejn iċ-ċikliżmu grazzi ghal Jack li dejjem laqagħhom fil-ħanut tiegħu bi tbissima.

Huwa jibqa’ mfakkar għal żmien twil għall-ġenerożità kbira tiegħu, b’rieda qawwija li jgħin lil dawk ta’ madwaru. Jack kien darbtejn Champion Nazzjonali tar-Road fl-1999 mal-Klubb ta’ Melita CC u fl-2002 mal-klubb ta’ Birkirkara St Joseph, kif ukoll darbtejn Champion Nazzjonali tat-Time Trial fl-2003 u 2004 mal-klubb ta’ Pamsons. Huwa wkoll irrapreżenta lil Malta b’bosta kompetizzjonijiet internazzjonali bħal Logħob tal-Mediterran fit-Tuneżija, Logħob tal-Commonwealth f’Melbourne, Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’San Marino u Andorra u l-Kampjonati tad-Dinja B fl-Afrika t’Isfel. Huwa kien wieħed mill-ftit ċiklisti lokali li libsu l-flokk aħmar prestiġjuż tat-Tour ta’ Malta.

Jack, għal perjodu ta’ żmien serva wkoll bħala Kowċ Nazzjonali taċ-Ċikliżmu ta’ Malta. F’isem il-membri kollha li jifformaw parti minn din id-dinja ċiklistika Maltija, l-Federazzjoni tesprimi li m’għandiex kliem biżżejjed biex trodd ħajr mill-qalb lil Jack, ta’ kemm ħadem favur din l-imħabba ċiklistika li kellu. Jalla s-sewqan, il-passjoni u l-imħabba tiegħu jixgħelu t-toroq tagħna u jiggwidawna sakemm għad nerġgħu niltaqgħu.

Il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu twassal il-kondoljanzi mill-iktar sinċiera tagħha lil għeżież tiegħu, lil martu Caroline, lil uliedu Luca u Nick, kif ukoll ukoll lil The Cyclist Cycling Club, bosta qraba u ħbieb għal din it-telfa ta’ Jack Schiavone. U dan bit-tama li issa Jack qed igawdi fis-Sema u li ħeles mit-tbatija li l-ħajja sfortunatament taf toffri, titlob lil Ħallieq Divin biex jagħtih il-premju li tant jimmeritah, dak ta’ mistieħ u paċi dejjiema.