Mara u raġel ittieħdu l-isptar għall-kura wara li lbieraħ filgħaxija kienu involuti f’ħabta f’San Ġwann. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7.30pm fi Vjal ir-Rihan.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li minn stħarriġ li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn karozza misjuqa minn raġel ta’ 68 li joqgħod in-Naxxar u karozza misjuqa minn mara ta’ 29 sena li toqgħod l-Iklin.
Mal-ħabta bejn iż-żewġ karozzi, waħda minnhom marret fuq il-karreġġjata l-oħra u ħabtet ma’ mutur misjuq minn raġel ta’ 51 li joqgħod is-Swieqi.
Ix-xufier tal-mutur u l-mara ngħataw l-għajnuna minn tim mediku u ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Aktar tard kienu ċċertifikati bi ġrieħi gravi.
Ir-raġel ta’ 40 sena li joqgħod San Ġwann u li kien passiġġier fil-karozza misjuqa mill-mara, u kif ukoll ix-xufier tal-karozza l-oħra ma sofrewx ġrieħi.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>