Lokali Qorti

Moldovan jibqa’ arrestat fuq akkużi li mporta f’Malta 25 kilo kokaina li fit-triq tiswa €2 miljun

Ion Boghiu ta’ 24 sena mill-Moldova, residenti Londra, nżamm taħt arrest mill-Maġistrat Nadine Lia wara li fil-Qorti ġie mixli b’pussess u traffikar ta’ 25 kilo droga kokaina u li assoċja ruħu u kien kompliċi biex jittrafika l-istess droga, li fit-triq tiswa €2 miljun. Il-Prosekuzzjoni qalet li s-Sibt li għadda filgħaxija kienu qed isiru numru ta’ ‘spot checks’ fuq vetturi mal-wasla tagħhom f’Malta bil-katamaran minn Sqallija.

Hawn huma waqqfu l-vettura li kien fiha l-akkużat li kien qed isuq il-karozza beda jaġixxi b’mod suspettuż. Punt importanti kien il-fattur indika li l-vettura ma kinetx qed taħdem sew u dan peress li l-magna kienet tikwi meta din kienet għadha kemm niżlet minn fuq il-katamaran. DIn kellha wkoll il-qiegħ tal-magna maqlugħ.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Marshall Mallia u Alfredo Mangion kompliet tgħid li l-vettura ttieħdet fil-garaxx tal-pulizija u mill-ewwel ġie nnotat li waqt li l-maġġoranza tal-qiegħ tal-vettura kien bis-sadid, il-boltijiet kienu ġodda u sabu li fit-tank tal-fjuwil li jesa mas-60 litru fjuwil kien fih ftit diesel u 25 pakkett bid-droga.

Meta mistoqsi x’inhija l-professjoni tiegħu Ion li qal jaħdem fil-kostruzzjoni wieġeb li mhux ħati tal-akkużi kontrih. Il-Prosekuzzjoni talbet sabiex tixhed it-tfajla li kienet passiġġiera miegħu fil-vettura li fi stqarrija ġuramentata li tat lill-pulizija qalet li ma kinetx taf bil-kontenut fil-karozza.

Il-Qorti semgħet lit-tfajla ta’ 18-il sena mill-Ażerbajan u li tgħix il-Belġju. Hija kkonfermat l-istqarrija ġuramentata li tat lill-pulizija u qalet li ndunat li hemm xi ħaġa ħażina fil-vettura meta waslu fil-garaxx tal-pulizija. Tenniet li kien is-sieħeb tagħha li qabel il-pulizija fetħu l-vettura qalilha li hemm xi ħaġa fiha. Hija ndikat lill-akkużat fl-awla bħala s-sieħeb tagħha. Mistoqsija x’fetħu l-pulizija, hija qalet il-parti fejn wieħed jagħti l-fjuwil il-vettura. Qalet ukoll li ġiet Malta mas-sieħeb tagħha bil-karozza permezz tal-katamaran.

Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba biex jiġu friżati l-assi kollha tal-akkużat. Il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat ukoll qalilhom li t-tfajla tiegħu ma kinetx taf x’kien fiha l-vettura. Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni biex jiġu ffriżati l-assi tal-akkużat. F’dan l-istadju id-difiża ma talbitx biex jingħata l-ħelsien mill-arrest u għalhekk l-akkużat baqa’ miżmum arrestat u ttieħed il-ħabs. Għall-akkużat deheru l-Avukati Matthew Xuereb u Matthew Scerri Herrera.