Lokali Qorti

“Protest li qed jitlob li t-tobba jingħataw libertà totali fuq l-abort” – ‘Tobba favur il-Ħajja’

Numru ta’ tobba li ffirmaw għall-protest ġudizzjarju ma kellhomx aċċess għad-dokument qabel ma ffirmaw. Fi stqarrija l-gurupp ‘Tobba favur il-Ħajja’ (‘Doctors for Life’) qalu li saru konxji tal-kontenut tal-protest ġudizzjarju dwar l-abort li għandu jiġi preżentat minn Dr Stabile f’isem numru ta’ tobba.

Il-grupp qal li jixtieq jesprimi t-tħassib tiegħu dwar dan l-protest ġudizzjarju mhux qed jitlob l-irfinar tal-liġi biex tkun aktar espliċitu fil-permess ta’ aborti terapewtiċi koperti b’effett doppju, li jiżgura li it-tobba jistgħu jwettqu fuq il-fetu għal nisa f’kundizzjonijiet ta’ theddida għall-ħajja, prattika attwali fejn esperti legali diġa jqisu li dan huwa permissibbli mil-liġi fil-forma attwali tagħha.

Minflok il-protest ġudizzjarju qed jitlob li l-artikolu 243 jitneħħa għal kollox u għalhekk jippermetti lil kull tabib jew prattikant jagħmel xi tip ta’ abort għal kwalunkwe raġuni. Huwa deplorabbli li t-tobba li jiffirmaw il-formola biex jiġi nkluż isimhom ma kinux awtomatikament murija l-ittra ġudizzjarja nnifisha jew spjegazzjoni sħiħa ta’ dak li qed kun mitlub b’mod speċifiku.

L-ittra tal-protest ġudizzjarju kienet għadha qed tiġi abbozzata waqt li il-firem kienu qed jinġabru u li lanqas kienet lesta sal-aħħar jum tal-firma li kienet għadha qed tinġabar. Dan ifisser li t-tobba li ffirmaw l-ittra ġudizzjarja setgħu fil-fatt ma kienux qablu ma’ tali bidla drastika fil-liġi, li hija ħafna usa’ minn meħtieġa biex jindirizzaw il-kwistjonijiet pertinenti għal dan il-każ.

F’Ġunju tal-2019 mijiet ta’ tobba f’Malta kienu ngħaqdu flimkien fi grupp biex jappellaw favur il-ħajja. Fl-ewwel stqarrija tagħhom dak iż-żmien il-grupp bl-isem “Tobba Favur il-Ħajja” sostnew li kull ħajja hija prezzjuża. L-għan għal dawn it-tobba huwa li jimpenjaw ruħhom biex jgħarrfu lill-pubbliku Malti dwar il-veritajiet xjentifiċi fuq il-ħajja qabel it-twelid.

Mat-twaqqif tagħhom iktar minn 670 tabib u tabiba ffirmaw dikjarazzjoni li fiha stqarrew li permezz tal-proċess ta’ fertilizzazzjoni, tkun qed tifforma ħajja ġdida, li għandha identità ġenetika kompluta u unika, u li hi distinta minn dik tal-ġenituri tagħha.

Id-dikjarazzjoni tagħhom kienet tgħid ukoll li kull ħajja umana għandha titħalla tilħaq il-milja tagħha sakemm titwieled, jew sakemm iċ-ċirkostanzi naturali jwasslu għat-telfien tagħha. It-tobba jirrikonoxxu iżda, li f’ċerti sitwazzjonijiet straordinarji, interventi mediċi intenzjonati biex isalvaw il-ħajja tal-omm jistgħu jwasslu għat-telf tat-tarbija.

Minn dawn is-670 tabib u tabiba, fil-maġġoranza tagħhom kienu għażlu li isimhom jixxandar b’mod pubbliku biex ikomplu juru l-konvinzjoni tagħhom fid-difiża tal-ħajja umana. Il-grupp għadu jsostni li kull ħajja umana tixirqilha tgħix ħajja ta’ dinjità, mingħajr distinzjoni.