Lokali Parlament

Qed ikun ikkunsidrat appell dwar in-nuqqas tal-Avukat Ġenerali

Ritratt: Times of Malta

Minn tweġiba parlamentari li ta l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard jirriżulta li qed ikun ikkunsidrat appell minn sentenza tal-Qorti fil-każ li kien jinvolvi allegat tixħim minn avukati fil-konfront ta’ ġurnalist.

Il-każ jirrelata lill-avukati tal-akkużat Yorgen Fenech – l-avukati Gian Luca Caruana Curran u Charles Mercieca – li kienu akkużati li pprovaw ixaħħmu lill-ġurnalist ta’ The Times Ivan Martin.

Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ikkonkludiet li minkejja li ż-żewġ avukati kienu akkużati b’tixħim u l-kumpilazzjoni tal-provi kienet tikkonċerna dak ir-reat, l-Avukat Ġenerali indika dispożizzjoni oħra tal-liġi fin-nota tiegħu għal riferiment. Dan ifisser li ż-żewġ avukati kienu liberati minħabba żball tekniku min-naħa tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Dan il-każ tqanqal fil-parlament mid-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut li staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja biex jispjega jekk hux se jkun hemm azzjoni dwar dan in-nuqqas min-naħa tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Il-Ministru Attard qal li dan hu mument li fih irid ikun ikkunsidrat li s-sentenza tista’ tkun appellata u għalhekk ikun għaqli li jkun hemm kawtela, attenzjoni u prudenza biex ma jkunx preġudkat l-appell li jista’ jsir. Hu sostna li se jesġiġi lir-riformi li twettqu bl-ebda mod ma jkunu mxekkla; jekk hemm bżonn isiru l-investigazzjonijiet u jittieħdu l-passi.