Lokali Qorti

Sentenza sospiża u multa ta’ €1,000 fuq 23 pillola ecstacy

Żagħżugħ ta’ 28 sena residenti Birkirkara ġie kundannat seba’ xhur ħabs sospiżi għal sentejn u mmultat €1,000 mill-Maġistrat Natasha Galea Scibierras wara li nstab ħati li kellu fil-pusses tiegħu 23 pillola ecstacy f’ċirksotanzi li juru li dawn ma kienxu għall-użu esklussiv tiegħu. Huwa iżda ma nstabx ħati ta traffikar ta’ droga.

Kurt Bonsfield inqabad waqqt road block fit-30 ta’ Marzu tal-2013 fejn għall-ħabta tas-1am fi Triq il-Palma, il-Marsa, membri tal-Pulizija mill-Iskwadra Mobbli waqqfuh u sabulu 23 pillola ħadra suspettati ecstasy “fil-bieba tax-xufier f’borża żgħira.” 

Fit-trattazzjoni finali tagħha, id-difiża ma kkontestax illi l-imputat kien filġpussess ta’ dawn il-pilloli fil-jum in kwistjoni, iżda qalet li dawn kienu ntiżi biss għall-użu personali tiegħu, b’dan għalhekk li għandu jirriżulta biss il-pussess ‘sempliċi’ tal-istess pilloli.

Fil-fehma tad-difiża, ma jirriżultawx provi li jistgħu jwasslu lil din il-Qorti sabiex issib ħtija fl-imputat dwar ir-reat ta’ traffikar u pussess aggravat tal-istess pilloli. Dwar dan il-Qorti qalet li tqis li l-ammont ta’ 23 pillola ecstasy, mhuwiex wieħed żgħir jew li normalment jiġi assoċjat ma’ pussess għall-użu personali tal-pussessur.

Qalet li minkejja li rriżulta li l-imputat kien dipendenti fuq id-droga fiż-żmien tal-każ odjern, kif ukoll illi huwa kien jagħmel użu mill-ecstasy b’mod regolari, biss dan jibqa’ ma jiġġustifikax għalfejn huwa kien fil-pussess proprju ta’
kwantità tali ta’ pilloli fil-lejl in kwistjoni, li anke tenut kont tal-kwalitaˋ tal-istess droga, ma jistax ħlief iwassal lill-Qorti għall-konklużjoni li tali pussess ma kienx intiż biss għall-użu esklussiv tiegħu.

Fir-rigward il-Qorti qed tqis ukoll illi minkejja li straħet fuq ir-relazzjoni tal-espert minnha maħtur Dr. Edward Curmi,
kif korroborat ukoll mix-xhieda ta’ Dr. Charles Cassar u mir-rapport tal-Uffiċjal tal-Probation għall-fini tal-Artikolu 8 tal-Kap. 537 tal-Liġijiet ta’ Malta, ma jfissirx illi l-Qorti temmen dak kollu li l-imputat iddikjara mal-istess espert, b’mod partikolari illi huwa kien jikkonsma anke 10 jew 12-il pillola fil-ġimgħa.

U dan qed jingħad anke fid-dawl tat-tip ta’ droga, li mhijiex tali li wieħed solitament jikkonsmaha waħdu jew fil-privatezza ta’ daru, iżda f’xenarju ta’ parties jew tal-inqas diskoteki. Tqis ukoll f’dan il-kuntest, illi l-imputat fl-ebda ħin ma kkonferma dawn l-ammonti bil-ġurament tiegħu f’dawn il-proċeduri.

Il-psikoterapista Dr Charles Cassar qal li li qabel l-2013, l-imputat kien qed jimrad ħafna u kien qed ifalli x-xogħol ta’ sikwit. Xehed, li l-imputat kien mar għandu u qallu li xtaq jieqaf mill-użu tal-ecstasy mingħajr ma jagħmel programm. Spjega, li l-imputat kien juża l-pilloli biex iħossu kunfidenti, biex jissoċjalizza u jiġġieled dak li kien qed iħoss fl-ambitu ta’ passat ta’ vjolenza domestika kif ukoll ta’ diżappunt fuq il-lant tax-xogħol.

Dr Cassar qal li l-akkużat mar għandu għat-terapija, li rnexxiet, u li l-imputat ma baqax jagħmel użu mid-droga. Il-Maġistrat Galea Sciberras  ordnatlu jħallas fi żmien xahar b’€156.17 fi spejjeż b’rabta mal-ħatra tal-esperti u ordnat id-distruzzjoni tad-droga. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Malcolm Bondin.