Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li spara għal raġel wara li ntemmet relazzjoni u ried lura l-karozza

Raġel ta’ 42 sena mill-Belt Valletta ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin wara li nstab ħati li f’Ġunju ta’ seba’ snin ilu spara f’saqajn raġel fil-preżenza ta’ missieru fuq inċident dwar pusses ta’ karozza wara tmiem ta’ relazzjoni li qajjmet diżgiwid bejn membri tal-familja.

Mill-provi quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli ħareġ li l-isptaraura seħħet barra l-Forti Sant’Iermu, fejn Massimo Caruana, li kemm il-darba kiser dufrejh mal-ġusitizzja mexa ‘l quddiem fil-ħajja tiegħu u rabba l-għaqal. Huwa nstab ħati ta’ attentat ta’ ferita gravi wara li l-Avukat Ġenerali waqqa’ l-akkuża ta’ attentat ta’ qtil.

Alfred Mifsud, missier il-vittma tal-isparatura Noel Mifsud kien spjega waqt il-kumpilazzjoni li l-argument li wassal għall-isparatura beda meta huwa kien talab lil omm Massimo Caruana biex tagħtih lura l-Peugeot tiegħu. wara li t-tnejn temmew relazzjoni romantika.

Caruana instab ħati wkoll li ġarr ta’ arma mingħajr liċenzja, li hedded lil Mifsud u lil missieru u li kiser il-paċi pubblika. Alfred Mifsud kien qal li kien jaf lill-imputat għax dan Caruana kienet f’relazzjoni ma’ bintu. “Jien ilni naf lil Massimo. Binti welldet żewġ uliedu minn tiegħu u qabel jien kont kont f’relazzjoni ma’ ommu,” kien xehed ir-raġel li żied jgħid li sa sitt xhur qabel li kien seħħ l-inċident dejjem għexu bħala familja.

Mifsud irrakkonta fil-Qorti li qatt ma kellu xi diżgwid ma’ Massimo Caruana. “Dejjem kont nirrispettah, għax hu missier it-tfal ta’ binti u uliedu huma demmi.” Meta kien mar lura għall-punt tal-oriġini tal-argument, ix-xhud kien spjega li kien xtara l-vettura u rreġistraha f’isem omm Caruana, Anna.

Madankollu, ladarba intemmet ir-relazzjoni tiegħu ma’ omm l-akkużat, Mifsud kien ried il-karozza lura u wara li din irrifjutat, huwa kien ippreżenta rapport tal-pulizija. Il-każ kien spiċċa l-Qorti. Dakinhar tal-inċident tal-isparatura, qal li Caruana kien sejjaħ lil ibnu biex jorganizza laqgħa miegħu.

“Mort miegħu u meta wasalna Sant’Iermu, ibni ħareġ mill-karozza,” kien qal Mifsud, u li hu kien baqa’ ġewwa l-vettura. F’ħin minnhom, Caruana mar minn wara l-karozza b’tali mod li l-vittma ma setax jarah riesaq lejh. F’daqqa waħda smajt sparatura ta’ pistola.

“Ħriġt mill-karozza u rajt lil ibni li spiċċa b’toqba f’siequ. Huwa baqa’ fuq saqajh. Imbagħad għedt lil Massimo Caruana ‘x’għamiltlu?’ Imbagħad heddidni li kien se jtajjarli rasi u tlaqt wara l-karozza” qal Mifsud. Minn naħa tiegħu l-vittma Noel Mifsud qal ukoll lill-Qorti li n-nuqqas ta’ qbil imur lura xhur.

Dakinhar tal-argument, l-imputat kien ċempillu u talbu għal logbook tal-karozza, u heddu li jekk ma jagħmilx hekk kien se jtajjar rasu missieru. Meta ltaqgħu ħdejn Sant’Iermu, l-akkużat ħareġ il-pistola, li kienet imdaħħla f’dahar tal-qalziet, u beda jgħajjat ​​“Se nisparalek! Nisparalek.” Il-vittma kien ipprova jirraġuna mal-akkużat, li ħa din bħala sfida. “Taħseb li mhux se nisparalekk,” qal l-akkużat, li mbagħad ipproċeda biex jipponta l-arma tan-nar lejn sieq ix-xellug tar-raġel u ġibed il-grillu.

Il-Qorti qalet li fuq il-piena ħadetin kunsiderazzjoni tann-natura tar-reati li tagħhom, il-kondotta tiegħu minn fejn jirriżulta li l-imputat xellef difrejh mal-ġustizzja diversi drabi. Min-naħa l-oħra qieset il-fatt li Alfred Mifsud u Noel Mifsud xehdu wkoll li huma kienu qegħdin jaħfru lill-imputat u oltre dan qegħda tqis li minn dak li xehdet l-uffiċjal tal-probation, l-imputat għamel progress kemm billi ħadem fuq il-vizzju tad-droga kif ukoll anki fuqu nnifsu.

Għaldaqstant filwaqt li l-Qorti tqis li mhux aċċettabbli f’soċjeta ċivili li persuna tieħu l-liġi b’idejha w oltre minn hekk tagħmel użu minn arma, tenut kont taċ-ċirkostanzi tal-każ kif żvolġew tqis li għandha tikkundanna lill-imputat għal sentenza ta’ priġunerija li tiġi sospiża.

Għal dawn il-motivi din il-Qorti kkundannatu sentejn priġunerija sospiżi għal żmien tliet snin. Huwa ma nstabx ħati li kiser l-ordni jew il-kwiet tal-pubbliku, li naqas milli jħares waħda mill-kundizzjonijiet impost fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati, li bih ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt garanzija u diversi kundizzjonijiet minn żewġ Maġistrati u li sar reċidiv. L-Avukat Charmaine Cherrett dehret għal Massimo Caruana filwaqt li l-Ispetturi Kurt Zahra u Daryl Borg mexxew il-prosekuzzjoni.