Lokali

Tirritorna l-Maratona tal-Volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza

Din is‑sena, wara waqfa ta’ sentejn minħabba l-pandemija tal-Covid, id‑Dar tal‑Providenza se terġa’ torganizza l‑Maratona tal‑Volleyball. Maratona li issa daħlet fit-tnax-il edizzjoni tagħha.

Il‑Maratona se ssir fil‑carpark tad‑Dar tal‑Providenza fis‑Siġġiewi, bejn il‑Ġimgħa l‑1 ta’ Lulju u l‑Ħadd 3 ta’ Lulju 2022. 40 plejer maqsuma f’ħames timijiet se jkunu qed jilagħbu l‑volleyball għal 53 siegħa mill-Ġimgħa fis-sitta ta’ filgħaxija sal-Ħadd f’nofsillejl.  Kuljum se jkun hemm spettaklu mużikali fuq il‑palk prinċipali, ikel u logħob għat‑tfal.

Il‑Maratona se tixxandar ukoll b’mod dirett fuq l‑istazzjonjiet ewlenin fosthom fuq Net Television kif ukoll fuq is‑sit elettroniku u l-paġna ta’ Facebook tad‑Dar tal‑Providenza.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-Dar tal-Providenza, id‑Direttur tal-istess dar Fr Martin Micallef fakkar kif il‑pandemija ma kinitx żmien faċli għad‑Dar tal‑Providenza, imma minkejja dan sar minn kollox biex ir‑residenti jbatu mill‑inqas mill‑iżolament li ġab miegħu dan iż‑żmien diffiċli.

Huwa qal li ħafna mill-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi tista’ tgħid waqfu għal kollox f’dawn is-sentejn, għalhekk din il‑maratona qed terġa’ tiftaħ kalendarju ta’ attivitjiet ta’ ġbir ta’ fondi li huma tant neċessarji għad-Dar biex tkompli toffri servizzi residenzjali tal-ogħla kwalità.

Fr Martin ħabbar li fix‑xhur li ġejjin id‑Dar se tkun qed tibda proġett ambizzjuż ta’ rinovar ta’ erba’ flettijiet f’Villa Papa Giovanni, fis‑Siġġiewi, liema proġett ma setax jibda minħabba problemi marbuta mal‑pandemija.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal‑kumitat tal‑Maratona tal‑Volleyball Emmanuel Zammit, qal li minbarra l‑40 pleyer li se jkunu l-protagonisti ewlenin ta’ din il-maratona, se jkun hemm ukoll madwar 200 voluntier.

Il-pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq dawn in-numri li qed jidhru iktar ‘l isfel, juża l-BOV Mobile Banking jew il-PayPal jew jagħti donazzjoni online fil-kontijiet bankarji tad-Dar tal-Providenza mal-APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank u BNF Bank.  Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ wkoll iżur is-sit: www.sabihlitaghti.org.

€10         5160 2011

€15         5170 2012

€25         5180 2013

€50         5190 2070

€100   5130 2044

Pledge Line: 2146 3686

BOV Mobile  7932 4834

Intant it-Tnejn filgħaxija l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea, għamlet żjara lill-pleyers tal-volleyball u l-voluntiera.