Fl-Istadium tal-Atletika fil-Marsa rekord nazzjonali ieħor din id-darba fil-pole vault.
Mill-ġdid protagonista Nicolai Bonello li għad għandu 17 il-sena. Wara li fi Frar ta’ din is-sena qabeż 4.35 metri b’rekord nazzjonali, din id-darba mar lil hinn meta qabel 4.36 metri biex kiseb rekord nazzjonali ġdid.
Wara li qabeż 4.00 metri u 4.20 metri Bonello mar għal 4.36 metri fejn ma falliex. B’rekord nazzjonali ġdid ipprova wkoll jaqbeż 4.40 metri iżda falla t-tentattiv.
Nicolai Bonello ta’ La Salle Athletics Club għandu bħala kowċ lil Jivko Jetcheva li għalih iddedika r-rekord miksub l-aktar wara li l-istess Jetcheva jinsab rikoverat wara inċident li kellu fi tmiem il-ġimgħa.
Huwa, flimkien ma’ Matthew Galea Soler u Michela Caruana fi tmiem il-ġimgħa se jikkompetu fil-Kampjonat tal-Ewropa Taħt it-18 il-sena li se jsir f’Ġerusalem, Iżrael.