Lokali Qorti

10 xhur ħabs wara li ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija meta kien fuq pleġġ

Raġel ta’ 47 sena residenti San Pawl il-Baħar li kien inħeles mill-arrest u ngħata l-pleġġ fejn kien ġie mixli li flimkien mas-sieħba tiegħu seraq flus minn fuq raġel wara li ġera warajh, reġa’ spiċċa arrestat. Tony Armando Zahra kien mixli li fil-lejl tas-17 ta’ Marzu li għadda, fi Ġnien il-Kunsill tal-Ewropa f’Ta’ Xbiex, ma osservax il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu b’rabta mal-każ tas-serq.

Huwa kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, bil-Qorti tordna li l-garanzija personali ta’ 20,000 ewro stabbiliti fid-digriet tal-helsien mill-arrest moghtija mill-Imħallef Edwina Grima tal-15 ta’ Dicembru 2021 kif varjat mill-istess Imhallef fit-3 ta’ Frar 2022 m’għandhiex tiġi konvertita favur il-Gvern ta’ Malta. Dan minħabba l-ksur tal-kundizzjonijiet imposti fid-digriet mhumiex ta’ konsegwenza serja.

Il-Qorti minn naħa tagħha irrevokat l-ħelsien mill-arrest ta’ Zahra u ordnat li jiġi arrestat mill-ġdid wara li jiskonta l-piena karċerarja. Rigward li huwa ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, jrid iħallas multa ta’ 100 ewro u li ġarr sikkina bla liċenzja irid iħallas multa ta’ 116.46ċ ewro.

Wara li semgħetu jammetti l-akkużi, il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ikkundannatu 10 xhur ħabs, li minnhom irid jitnaqqas iż-żmien li nżamm arrestat. Il-prosekuzzjini tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia.