Lokali Qorti

Ġenituri ta’ mara li nqatlet f’inċident tat-traffiku jingħataw kumpens ta’ €162,000

Il-ġenituri ta’ mara ta’ 30 sena ngħataw kumpens ta’ €162,000 wara li fl-2017 binthom kien kienet tilfet ħajjitha traġikament wara li ttajjret minn karozza fix-Xatt tal-Gżira. Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Joanne Vella Cuschieri ddeċidiet il-każ il-konfront ta’ raġel mis-Swieqi li f’Ottubru ta’ ħames snin ilu tajjar lil Stephanie Rapa miż-Żurrieq, li kienet spiżjara u studenta fil-kors tal-mediċina fejn kienet qed tistudja biex issir tabiba.

L-inċident kien seħħ fis-19 ta’ Ottubru għall-ħabta ta’ 8pm. fejn is-sewwieq Anthony Chircop ta’ 45 sena kien tressaq il-Qorti mixli bi qtil involontarju, liema każ għadu għaddej quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima fejn wasal fl-istadju tal-provi minn naħa tad-difiża.

Il-każ fil-Qorti Kriminali beda jinstema’ quddiem il-Maġistrat Anthony Vella, iżda meta dan sar Imħallef is-smigħ fuq qtil involontarja għadda għand il-Maġistrat Grima. Fix-xhieda tiegħu l-Ispettur Jonathan Ransley li kien ressaq lil Chrircop huwa kien qal li mad-daqqa l-vittma għoliet m’għola sular u li s-sewwieq kien għaddej b’veloċità qawwija.

Rapa nqatlet b’daqqa ta’ karozza sportiva tal-għamla Nissan GTR waqt li kienet qed taqsam it-triq. Il-ġenituri tagħha kienu fetħu kawża għad-danni kontra s-sewwieq fejn allegaw li binthom inqatlet bi traskuraġni u minħabba nuqqas ta’ tħaris tar-regolamenti tat-traffiku.

Il-Qorti Ċivili fil-kawża li għamlu l-ġenituri tagħha qieset għadd ta’ filmati minn kameras tas-sigurtà fit-triq li qabdu l-inċident, fejn Rapa tidher togħla fl-arja mad-daqqa u tinżel b’saħħa wara l-karozza, li laħqet għaddiet minn taħtha. Il-karozza kienet qed tinstaq fid-direzzjoni ta’ Tas-Sliema. Il-vittma kienet tilfet ħajjitha ftit wara li waslet l-isptar Mater Dei.

Il-ġenituri ta’ Rapa fetħu kawża għad-danni kontra s-sewwieq u allegaw li binthom inqatlet bi traskuraġni u minħabba nuqqas ta’ tħaris tar-regolamenti tat-traffiku. Il-Qorti Ċivili qieset għadd ta’ filmati minn cameras tas-sigurtà fit-triq li qabdet l-inċident.

Il-Pulizija xehdet li l-filmati juru li l-inċident ma seħħx skont kif qalilhom Chircop, li allega li kien qed isuq b’madwar 50km fis-siegħa u li l-vittma qasmitlu minn bejn is-siġar. L-espert tal-Qorti spjega li l-mod kif il-vittma ħabtet man-naħa ta’ fuq tal-windscreen jindika li l-karozza kienet qed tinstaq b’iktar minn 100km fis-siegħa.

Tenna wkoll li l-marki li jidhru mal-art, u li jtulu 40 metru, mhumiex marki tal-brejk, imma sinjali li jagħmlu t-tyres meta karozza sportiva ta’ din ix-xorta tibda tgħaqqadhom. Dan ifisser li fil-ħin tal-inċident is-sewwieq kien qed iżid il-veloċità, u mhux inaqqasha.

Chircop ikkontesta dan kollu u qal li huwa mpossibbli li l-karozza tilħaq dik il-ħeffa f’din il-parti tat-triq, l-espert imqabbad mill-Qorti qal li din hija d-disa’ l-iktar karozza li tiġri fid-dinja u ttella’ veloċità minn 0 sa 60 fi 2.8 sekondi. Xehed ukoll espert psikjatriku, li qal li l-ġenituri tal-vittma t-tnejn qed ibatu minn dipressjoni persistenti u jaqgħu taħt il-kategorija ta’ nervożi trawmatika kawża tal-mewt traġika ta’ binthom.

L-Imħallef Joanne Vella Cuschieri qalet li t-tort għall-inċident traġiku għandu jinqasam nofs bin-nofs bejn is-sewwieq u l-vittma. Meta kienet qed tistma d-danni, il-Qorti skartat il-ħsara psikoloġika tal-ġenituri ta’ Rapa, għaliex qalet li dawn fetħu l-kawża bħala werrieta ta’ binthom, u mhux fil-kapaċità personali tagħhom. Naqqset ukoll 50% tad-danni minħabba li m’hemmx provi li dawn kienu jiddependu fuqha għall-għajxien tagħhom.