Lokali

Id-direttivi tal-LESA għadhom fis-seħħ – Byron Camilleri jibqa’ jkaxkar saqajh

Allegatament ġew offruti biss żieda miżera ta’ 13ċ fis-siegħa

Il-Ministru Byron Camilleri għadu qed jinjora għal kollox il-kriżi assoluta li rajna f’pajjiżna matul l-aħħar ġimgħa.

Ġimgħa ilu l-General Workers Union ħabbret numru ta’ direttivi għall-uffiċjali tal-LESA, sebat ijiem wara…kollox għadu kif kien.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News saħqu li l-affarijiet għadhom ma ċċaqilqux bl-uffiċjali tal-LESA għadhom qed jappellaw għal titjib fil-paga u fil-kundizzjonijiet. Allegatament l-unika proposta li waslitilhom min-naħa tal-Gvern kienet żieda ta’ 13-il ċenteżmu tal-ewro fis-siegħa….żieda li sintendi mhux qed tiġi kkunsidrata bħala waħda xierqa.

Għaldaqstant id-direttivi għadhom ugwali bħal dawk ta’ ġimgħa ilu bl-uffiċjali tal-LESA li jaħdmu fir-rottot ħadd ma huwa qed iħarrek…u qed joħorġu bħala pajżana.

Dan filwaqt li minn 8 uffiċjali jaħdmu fid-dipartiment tal-kollużżjonijiet – Malta spiċċat b’żewġt uffiċjali biss….bi tnejn oħra jaħdmu fl-istess dipartiment fil-gżira Għawdxija.

Dawn l-azzjonijiet industrijali u t-tkaxkir tas-saqajn minn naħa tal-Gvern, partikolarment mill-Ministru Camilleri qed iwasslu sabiex s-sigurtà taċ-ċittadini tispiċċa taħt tħassib serju.

Dan hekk kif il-Police Officers Union ħarġu direttivi sabiex l-uffiċjali tal-Pulizija ma jagħmlux xogħol żejjed u ma jerfgħux piż li mhux responsabbiltà tagħhom sabiex jimlew il-vojt li qed iħallu l-uffiċjali tal-LESA sabiex jobdu l-imsemmija direttivi.

Dan kollu filwaqt li l-Korp tal-Pulizija qed iħabbat wiċċu ma’ nuqqas qawwi ta’ riżorsi umani bil-konsegwenza li divers ghasses tal-Pulizija  qed jispiċċaw ikollhom jingħalqu.

Kriżi li fl-aħħar ġimgħat qed taffettwa bil-kbir partikolarment lil gżira Għawdxija…b’ċertu lokalitajiet turistiċi jispiċċaw joperaw b’żewġt uffiċjali biss.