Lokali Qorti

Il-Qorti tordna biex il-miljuni ta’ Gaddafi miżmuma fil-BOV jridu jintbagħtu lill-istat Libjan

Qorti ordnat li biex madwar €96 miljun miżmuma fil-Bank of Valletta mill-werrieta ta’ wieħed minn ulied Muammar Gaddafi jintbagħtu lura fl-istat Libjan. Il-każ kien ippreżentat sitt snin ilu mill-Avukat Ġenerali Libjan. Il-flus kienu ta’ Mutassim Gaddafi, b’miljuni miżmuma fil-kontijiet ta’ kreditu tiegħu tal-American Express u Visa. Għal snin sħaħ, il-flus kienu ġestiti mill-eks teżorier tal-Partit Laburista Joe Sammut.

It-tliet kontijiet fil-BOV saru f’isem Capital Resources. Il-kumpanija kienet proprjetà ta’ Gaddafi, iżda ismu deher bħala Muatasimbllah Muammar Abuminyar. Mutassim. L-Avukat Ġenerali Libjan, rappreżentat f’Malta mill-avukat Shazoo Ghaznavi, kien akkuża lill-BOV li kiser ir-regoli billi qal li l-bank qatt ma messu fetaħ kontijiet għal Gaddafi.

It-talbiet ġew ikkontestati mill-armla ta’ Muammar Gaddafi, Safia Farkash Gaddafi, li ssa tgħix fl-Oman ma’ tlieta minn uliedha. L-avukat tagħha, Charilos Oikonomopoulos, qal li Mutassim kellu mara u eredi oħra mhux magħrufa qabel, il-mudella Olandiża Lisa van Goinga u binha.

Il-battalja legali kienet bdiet sena wara l-waqa’ b’mod vjolenti u sussegwentemet il-qtil ta’ Gaddafi fl-2011. Il-Qorti Maltija issa qablet li l-flus għandhom jintbagħtu lura lil-Libja. Iben Gadaffi, Mutassim, ġie skopert li huwa s-sid ta’ kumpanija reġistrata f’Malta b’kontijiet tal-BOV.

Mal-qtil tiegħu f’Misurata fl-20 ta’ Ottubru 2011, fl-eqqel tar-rewwixta ċivili kontra r-reġim ta’ missieru, fil-pussess tiegħu nstabu diversi credit cards maħruġa mill-BOV. Skont il-liġi Libjana, bħala uffiċjal tal-armata kien ġie prekluż milli jieħu benefiċċji minn kwalunkwe interess kummerċjali. Barra minn hekk, huwa naqas milli jissottometti dikjarazzjoni sħiħa tal-assi kif preskritt mil-liġijiet ta’ pajjiżu.

Il-litigazzjoni spiċċat fil-qrati Maltin, bl-istat Libjan jakkuża lill-BOV li naqas milli jwettaq kontrolli xierqa ta’ ‘due diligence’ u li qatt ma messhom taw aċċess lil Gaddafi biex jiftaħ kont. L-Avukat tal-werrieta ta’ Gaddafi, Charilos Oikonomopoulos, sostna li l-flus kienu fondi privati.

Is-sena l-oħra, il-gvern Libjan kien talab lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ dak iż-żmien Evarist Bartolo biex joħroġ il-fondi lill-istat bħala sinjal ta’ rieda tajba. Il-gvern Libjan dejjem qies il-fondi, miżmuma taħt kumpanija Maltija bl-isem ta’ Capital Resources Limited, bħala qligħ illeċitu.

Oikonomopoulos kien assistit mill-avukat Louis Cassar Pullicino. L-Avukat Simon Micallef Stafrace kien nominat mill-qrati biex jaġixxi bħala deputat kuratur f’isem il-werrieta mhux magħrufa ta’ Mutassin Gaddafi. Ghaddafi kien inqatel f’Ottubru tal-2011 wara l-waqgħa ta’ Sirte.