Lokali Qorti

Uffiċjali jixhdu dwar is-sejba tal-kadavru fil-‘luggage booth’ tal-karozza tiegħu

Uffiċjali tal-Pulizija li sabu l-katavru tal-vittma Mario Farrugia, moħbi ġewwa l-luggage boot tal-karozza tiegħu, li nstab fil-wied ta’ Ħal Qormi f’April li għadda, taw xhieda dwar is-sejba makabra. It-Tlieta xehdu tliet uffiċjali quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima hekk waranofsinhar kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ Elliott Paul Busuttil.

Busuttil jinsab akkużat b’omiċidju volontarju, pussess illegali ta’ arma, pussess mingħajr liċenzja ta’ strument li jaqta’ u bil-ponta f’post pubbliku, ħabi ta’ kadavru, kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li sar reċediv. Surġent tal-pulizija stazzjonat San Ġiljan kien l-ewwel xhud, fejn esebixxa rapport li jagħti dettalji dwar l-involviment tiegħu fl-investigazzjoni.

Fakkar kif, fil-5 ta’ April fl-9:45am, kien fuq ix-xift ma’ żewġ uffiċjali oħra, isuq lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-pulizija. “Irċevejt telefonata fuq il-mobile tiegħi mingħand l-Ispettur Jean Paul Attard, li qalli biex inħalli kollox u nsuq lejn il-wied ta’ Ħal Qormi.”

Lis-surġent ingħad li l-pulizija kienet irċeviet informazzjoni dwar persuna nieqsa, Mario Farrugia ta’ 62 sena, relatata ma’ Peugeot griża. Farrugia kien deher l-aħħar fit-28 ta’ Marzu fil-viċinanzi tad-dar tiegħu f’Pembroke. Rapport ta’ persuna nieqsa mill-pulizija kien indika wkoll li r-raġel kien qed juża Peugeot 407 ta’ kulur griż.

Is-Surġent saq il-karozza tal-pulizija fil-fond tal-wied, fejn it-tliet uffiċjali ltaqgħu ma’ ‘camper van’ ipparkjat ħdejn Peugeot 407, li kien jaqbel mad-deskrizzjoni tal-karozza tar-raġel nieqes. “Il-karozza kienet maħmuġa ħafna bix-xita tal-ħamrija u kienet qed tħares lejn id-direzzjoni tar-Rabat,” qal l-uffiċjal, u żied li kien diffiċli li wieħed jara x’kien hemm ġewwa l-karozza għax it-twieqi kienu kollha mgħottija u miksija bil-ħamrija.

Il-pulizija stabbilixxew li ma kien hemm xejn ġewwa l-kompartiment tal-passiġġieri tal-karozza, iżda mbagħad f’daqqa waħda ir-riħ bidel id-direzzjoni u bdew ixommu ’“riħa qawwija ta’ dekompożizzjoni”, li jidher li kienet toħroġ mill-booth tal-karozza, li kienet qed tattira wkoll għadd ta’ dubbien.

Kien aktar tard li ġie nnutat ammont ta’ likwidu ta’ kulur skur fuq it-tarmak, taħt il-bieba ta’ barra tax-xellug, fejn fil-bidu ma kienx viżibbli. Biex jaċċerta x’kulur kien il-likwidu, is-surġent qatta’ biċċa karta mid-djarju tiegħu u mess il-likwidu biha. “Il-karta immedjatament saret ħamra,” huwa qal.

Is-surġent imbagħad ċempel lill-ispettur tiegħu biex jinfurmah bis-sejbiet tiegħu u għalaq it-triq biex jippreserva x-xena tad-delitt. Wara li waslu uffiċjali minn diversi taqsimiet u kienu jippreżervaw il-post, l-ispettur informa lill-maġistrat tal-għassa, li minnufih bdiet inkjesta maġisterjali, ingħad fil-Qorti.

Fil-bagoll instab il-katavru fi stadju avvanzat ta’ dekompożizzjoni ta’ Farrugia. F’seduta preċedenti, il-Qorti kienet infurmata li l-katavru ma kienx rikonoxxibbli u kellu jiġi identifikat permezz ta’ testijiet tad-DNA. Aktar tard awtopsja kkonfermat li Farrugia kien qala’ 45 daqqa ta’ sikkina f’sidru.

Il-Qorti kienet infurmata wkoll li aktar tard kienu nstabu traċċi tad-demm ta’ Farrugia fil-kamra tas-sodda tal-akkużat. Busuttil mhuwiex wiċċ ġdid għas-sistema tal-ġustizzja kriminali, peress li fl-aħħar erba’ snin ġie akkużat b’diversi reati, fosthom attentat ta’ qtil. Il-Qorti ddifferit l-kawża għall-11 ta’ Lulju. L-Ispettur Wayne Camilleri qed imexxi l-prosekuzzjoni. L-Avukati Maria Schembri u Kaylie Bonnett qed jidhru għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila huma avukati difensuri. L-Avukat Jacob Magri qed jidher parte civile.