Lokali

Iweġġa’ gravi wara li waqa’ mill-gallarija

Eritrean ta’ 35 sena weġġa’ gravi wara li waqa’ minn sular għoli fi Triq C. De Brocktorff, l-Imsida. L-inċident seħħ fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu, għall-ħabta ta’ 1.15am.

Minn stħarriġ li sar irriżulta li r-raġel residenti l-Imsida, waqa’ minn gallarija.

Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku biex jassistu, u ambulanza ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Hemm hu ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.