Lokali

Jirriċiklaw xbiek abbandunati fil-baħar f’brazzuletti u keychains

Xbieki abbandunati li ttellgħu l-art minn siti ta’ Heritage Malta f’qiegħ il-baħar ġew riċiklati fi brazzuletti u keychains, grazzi għal kollaborazzjoni bejn il-kumpanija Ġermaniża Bracenet u t-Taqsima tal-Wirt Kulturali ta’ Qiegħ il-Baħar (UCHU) fi ħdan Heritage Malta.

Fl-2020, l-UCHU, b’kollaborazzjoni mal-ATLAM Subaqua Club, tat bidu għal sensiela ta’ għadsiet biex xbieki abbandunati jittellgħu minn qiegħ il-baħar. Sal-lum, erba’ siti protetti taħt l-ilma bbenefikaw minn din il-ħidma – ajruplan Junkers JU88, HMS Nasturtium, HMS Southwold (in-naħa tal-pruwa), u ajruplan B24 Liberator.

Fix-xhur li għaddew, l-UCHU kienet f’kuntatt ma’ Bracenet, kumpanija li tirriċikla rkaptu tas-sajd abbandunat u li laqgħet l-istedina tal-UCHU biex jikkollaboraw flimkien. Xbieki li ttellgħu mis-siti msemmija ntbagħtu minn Malta lejn il-Ġermanja biex jiġu riċiklati.

Dak li hu magħruf bħala ghost gear – jiġifieri xbieki tas-sajd, nases u lenez abbandunati – jikkostitwixxi madwar 10% tal-iskart tal-plastik li jispiċċa fl-oċeani u l-ibħra kull sena. Hu stmat ukoll li bejn wieħed u ieħor 70% tal-macro-plastics f’wiċċ il-baħar huwa ghost gear.

Il-periklu ta’ dan it-tip ta’ skart jinsab fil-fatt li jibqa’ jeżisti fl-ambjent marittimu għal deċennji sħaħ u jżomm f’wiċċ l-ilma. Is-siti storiċi f’qiegħ il-baħar jiġbdu lejhom ħlejjaq marittimi iżda wkoll irkaptu tas-sajd li jitħabbel magħhom u jagħmel ħsara lilhom u lill-istess ħlejjaq. Il-bugħaddasa wkoll jistgħu jkunu f’periklu li ma jkunux konxji tiegħu.