Lokali Qorti

ESKLUSSIVA: Keith Schembri, Yorgen Fenech u Sandro Craus fost ħamsa għall-Qorti fuq il-job fantażma li ngħata lil Melvin Theuma

Keith Schembri, Yorgen Fenech, Sandro Craus, Anthony Mario Ellul u Anthony Muscat se jgħaddu proċeduri quddiem il-Maġistrat Monica Vella fuq miżappropjazzjoni b’rabta mal-job fantażma li kien ingħata Melvin Thuema. Impieg li għalih kien jitħallas mingħajr ma kienx jersaq lejn il-post tax-xogħol u lanqas biss riedu. Il-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ddikjara kemm il-darba li kien jieħu l-paga mingħajr ma applika għal xi forma ta’ mpieg.

Wara li ntemmet l-inkjesta dwar dan il-każ il-Pulizija pproċedew billi ppreżentaw il-każ tagħhom quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bil-provi għandhom jibdew jinstemgħu nhar it-Tlieta, 6 ta’ Settembru f’11.45am. Hawn mistennija joħorġu dettalji dwar kif ingħata l-impieg u għal liema raġuni u x’wassal biex flus il-poplu jitmexxew b’dan il-mod.

Skont Melvin Theuma, f’diversi xhieda li huwa ta f’diversi Qrati, nkluż f’ittra li kien kiteb huwa kkonferma li ngħata impieg mal-Gvern minn Keith Schembri, l-eks chief of staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Theuma qal ukoll li Schembri kien bagħtu għand Sandro Craus, il-kap tal-customer care tal-OPM, “fil-ministeru faċċata tat-teatru l-antik”.

Theuma qal li kien jirċievi ċekk kull xahar iżda fil-fatt qatt ma rrapporta għax-xogħol. Il-ħlasijiet waqfu wara l-elezzjoni tal-2017. Skont is-sit elettroniku tal-gvern, il-kumpanija li tagħmel xogħol għall-Gvern kienet ppreseduta minn George Meli u kellha bħala segretarju tal-bord lil Gavin Gulia, l-eks ministru tat-turiżmu u chairman attwali tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Qed ikun allegat ukoll li Yorgen Fenech, li wkoll jinsab mixli bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, allegatament kellu wkoll sehem fl-impieg mogħti lil; Theuma. Il-Pulzija temmen ukoll li ċertu Anthony Muscat, li huwa l-eks Kap Eżekuttiv tal-kumpanija li offriet lil Melvin Theuma salarju €1,200 fix-xahar għal impieg fantażma ukoll kellu sehem fl-għoti tal-impieg.

Theuma kien xehed taħt ġurament li kien beda jirċievi ċekk kull xahar għal dan ix-xogħol minkejja li qatt ma rrapporta għax-xogħol. “Kont għedtilhom li kont xufier tat-taxi,” huwa kien irrakkonta. Iċ-ċekkijiet imbagħad waqfu jaslu wara l-elezzjoni ta’ Ġunju 2017.

Anthony Mario Ellul huwa l-persuna l-oħra li jrid jirrispondi fil-Qorti dwar dan l-impieg. Ellul huwa persuna viċin ħafna l-Partit Laburista fejn jaġixxi wkoll bħala uffiċjal tal-Partit Laburista waqt il-proċess elettorali. Huwa kien ukoll instab ħati li ffroda bank permezz ta’ karti tal-flus foloz u kien ingħata sentenza ta’ ħabs sospiża fl-2003.

Fid-deċiżjoni tagħha il-Qorti dak inhar osservat li Ellul kien “deliberatament u konxjament ipprovda lill-bankiera b’isem falz, indirizz falz u numru falz tal-karta tal-identità”. Il-Qorti ssottolinjat ukoll li waqt tfittxija tal-pulizija fil-karozza ta’ Ellul, instabu aktar karti tal-flus li kienu dollari foloz.

Ellul kellu rabtija qawwija u mill-qrib mall-Ministru Michael Farrugia. Fl-2013, hekk kif il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni, Ellul inħatar minn Farrugia bħala s-segretarju privat tiegħu. Wara l-elezzjoni tal-2017, meta Farrugia sar responsabbli mill-Intern mill-Prim Ministru Joseph Muscat, Ellul inħatar chairman tal-Bord tal-Ħabs.

Wara rapporti fil-midja li l-ħatra ta’ Ellul kienet ‘illegali’ minħabba r-rekord kriminali tiegħu, li bil-liġi jipprekludih milli jokkupa tali kariga, irriżenja. Ellul iġġustifika l-ħatra tiegħu billi stqarr li ma kienx ġust li ma setax jikkontribwixxi minħabba “żball” li kien wettaq snin qabel.

Is-sena l-oħra l-Ministru għall-Anzjani ta’ dak iż-żmien, Michael Farrugia, kien ingaġġa lil Ellul miegħu minkejja li l-kondotta tiegħu mhux waħda feliċi u kien tqabbad biex imexxi l-amministrazzjoni tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, responsabbli mis-servizzi kollha tal-Istat għall-anzjani.

Meta Farrugia ngħata l-portafoll il-ġdid disa’ xhur biss wara li daħal fil-Ministeru tal-Enerġija, ordna lil Ellul iwaqqaf uffiċċju fl-uffiċċji tal-Anzjanità Attiva f’Ħal Qormi. Meta kien mistoqsi fuq il-ħatra tiegħu, l-Ministeru kien qal li Ellul huwa biss persuna ta’ fiduċja u ma jifformax parti mis-servizz pubbliku, madankollu l-applikazzjonijiet kollha konnessi mas-servizzi tal-anzjani kienu qed jiġu skrutinizzati minnu.

Huwa kien qed jieħu ħsieb li tingħata prijorità lill-‘klijenti’ residenti fit-12-il distrett elettorali – il-kostitwenza ta’ Michael Farrugia. Ellul kien ukoll canvasser ta’ Farrugia. Il-prosekuzzjoni se tkun qed titmexxa mill-Ispetturi Nicholas Vella u Brian Paul Camilleri.