Lokali Parlament

L-Enemalta ‘rratifikat’ il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas minkejja nuqqasijiet kbar

Il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas kien approvat mill-Bord tal-Enemalta f’laqgħa li kien fiha kien hemm ħames membri minn seba’, membru ivvotat kontra, inbidlu l-kundizzjonijiet f’nofs il-proċess, ir-riskju spiċċat ħaditu l-Enemalta flok l-Electrogas u l-Bord tal-Enemalta ma ra l-ebda dokumentti tal-offerta.

Dan kien stabbilit minn xhieda li ngħata fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li dalgħodu kompla jixhed u li quddiemu x-xhud ewlieni kien l-ex Chairman tal-Enemalta Charles Mangion.

Għall-gvern ipparteċipaw il-Whip Laburista Andy Ellul, il-Ministru Clayton Bartolo u d-deputati Alex Muscat u Naomi Cachi waqt li għall-Oppożizzjoni pparteċipaw iċ-Chairman Darren Carabott u d-deputati David Agius, Graham Bencini, Mark Anthony Sammut u Justin Schembri.

Ix-xhud ewlkieni f’din is-seduta kien l-ex Chairman tal-Enemalta Charles Mangion, li xehed li l-kuntratt kien inħareġ mill-Enemalta iżda kien hemm proċess li fih il-Bord tad-Diretturi qatt ma daħlu fih. Quddiem il-Bord, il-kuntratt kien “irratifikat” u mhux approvat għaliex il-proċess kollu tal-approvazzjoni tal-kuntratt kien diġà sar.

Il-Bord kellu preżentazzjoni dettaljata mill-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Louis Giordimaina flimkien mar-rakkomandazzjoni tal-esperti; liema rakkomandazzjoni kienet determinati biex il-proċess ikun ratifikat.

Mangion qal li fil-proċess l-Awditur Ġenerali qatt ma ħass il-bżonn li jibgħat għalih bħala Chairman tal-Enemalta u sostna qara biss il-verżjoni mqassra tar-rapport tal-Awditur Ġenerali.

Hu qal li l-ewwel laqgħa li għamel meta nħatar Chairman kienet ma’ Louis Giordimaina, CEO tal-Enemlata, li fiha kienu diskussi l-pjani tal-Enemalta inkluż il-qagħda finanzjarja.

Lil Louis Giordimaina kien qallu li ma jridx jidħol fil-proċess tal-offerti tal-LNG għaliex Tumans Group kienu u għadhom klijenti tiegħu. Mill-minuti tat-12 ta’ Ottubru jirriżulta li Giordimaina.

In-nutar Mangion qal li l-NAO ma jgħidx li l-proċess kien b’xi mod ivvizzjat jew li kellu jitħassar. Hu spjega li kien kellmu l-Ministru Konrad Mizzi u qallu li l-gvern xtaq ikun appuntat bħala Chairman tal-Enemalta. Qatt ma rċevejt struzzjonijiet mill-Ministru Konrad Mizzi, sostna Charles Mangion, li qal li mal-Ministru Mizzi kellu biss laqgħat informali. Charles Mangion kompla li dwar l-għażla ta’ min se jingħażel fil-kuntratt qatt ma kellu komunikazzjoni mal-ex Ministru Mizzi.

L-ex Chairman tal-Enemalta qal li ma jiftakarx li kien tkellem mal-ex Prim Ministru Joseph Muscat dwar l-Electrogas. Wara li spiċċa l-inkarigu tiegħu mill-Enemalta qatt ma kien hemm kuntatti dwar l-għażla tal-Electrogas. Charles Mangion qal li bħala Chairman kien irratifika l-kuntratt minkejja li kien iddikjara li kellu konflitt ta’ interess.

Id-deċiżjoni kienet diġà meħuda, sostna Charles Mangion, li kompla li mhux kompitu tiegħu li jara l-mod kif l-entità għamlet ix-xogħol tagħha. L-Enemalta ma setgħetx tgħid le għal dik ir-ratifika minħabba li l-Enemalta kienet diġà approvat il-policies. Għal din il-laqgħa, minn seba’ memrbi kienu attendew ħames membri li waħda minnhom ivvotat kontra r-ratifikazzjoni.

Erba’ minn seba’ ivvotaw favur u Lara Boffa ma tatx raġuni għaliex ivvutat kontra, spjega Charles Mangion, li kompla li l-vot ma kienx kwalifikat iżda kien hemm biss vot ta’ iva jew le. Il-Kap Eżekuttiv Giordimaina kien irrakkomanda għar-ratifikazzjoni, spjega Charles Mangion, li qal li ma jiftakarx li Boffa jew xi membru tal-bord li għamel li oġġezzjoni voċifera.

Hu qal li ma kienx jaf min kienu l-membri tal-Bord tal-Evalwazzjoni u spjega li ma rienx ra r-rapporti tal-evalwazzjoni. Mangion qal li ma jafx min kien ħatar lill-membri tal-Bord ta’ Evalwazzjoni għaliex meta daħal l-offerta kienet diġà ħarġet. Muri d-dokumentazzjoni ta’ evalwazzjoni, Mangion qal li qatt ma kien qara dawn ir-rapporti iżda ħadd ma kien issolleva xi nuqqasijiet.

“Dawn ir-rapporti ta’ evalwazzjoni qatt ma ġew quddiem il-Bord tal-Enemalta; għandi fiduċja f’Louis Giordimaina bħala CEO li qatt ma ssolleva xi oġġezzjonijiet jew bozoz ħomor”, sostna Charles Mangion, li qal li l-Bord tal-Enemalta ma kienx dam ħafna biex approva u ma kienx hemm mistoqsijiet li jqanqlu xi diffikultajiet.

Mark Anthony Sammut ġibed l-attenzjoni tal-Kumitat li fil-media, Lara Boffa kienet qalet li kienet ivvutat kontra propju għaliex f’dik il-laqgħa ma kienx hemm informazzjoni biżżejjed.

In-Nutar Mangion qal li l-Bord qatt ma sehem fl-evalwazzjoni u dejjem ikkunsidra r-rapport tas-CEO. L-Enemalta ma talbitx lill-privat iforni d-dokument tal-garanzija u ma daħlitx f’din il-kwistjoni għaliex kien hemm ix-xogħol tal-Bord tal-Evalwazzjoni. Kont ikun irresponsabbli kieku ma rratifikajtx dak il-proċess għaliex kien approvat mid-diversi stadji ta’ evalwazzjoni, sostna Charles Mangion, li kompla li kien hemm xi persuna li mar għand l-avukat tiegħu biex jitwaqqaf il-proċess.

F’dan l-istadju id-deputat Nazzjonalista David Agius sejjaħ lill-Awditur Ġenerali biex jixhed fejn l-Assistent Awditur Ġenerali Keith Mercieca qal li kien hemm proċess ta’ kjarifikazzjoni iżda t-tħassib tal-NAO hu li ma sarx biss kjarifikazzjoni iżda kienu intorodotti affarijiet ġodda wara s-sejħa orġinali; inbidlu l-kudizzjonijiet.

Dan hu sors ta’ tħassib għax kienu inklużi fejn ir-riskju kienet se tieħdu l-Enemalta għax il-gvern spiċċa f’pożizzjoni agħar ma’ kulħadd, sostna Keith Mercieca, li kompla li dawn il-kundizzjonijiet kellhom ikunu magħrufa minn qabel. Keith Mercieca qal li mhix prassi tajba li jinbidlu l-kundizzjonijiet f’nofs il-proċess.

Meta kompla jixhed, Charles Mangion qal li ma jiftakarx li s-CEO jew xi uffiċjal tal-Enemalta kien indika li l-Enemalta kienet se titgħabba b’riskju kbir; “aħna kellna biss il-konklużjonijiet”.

Ix-xheda ta’ Charles Mangion tinsab sospiża għas-seduta li jmiss.