Sport Waterpolo

Neptunes itellfu t-tieni konfront dirett lil Sliema f’ġimgħa … rebħiet għal San Ġiljan u Ta’ Xbiex

(Ritratt: Joseph Galea)

Rapport: Stewart Said

NEPTUNES VIDEOSLOTS…… 8

SLIEMA FRANK SALT………… 5

(2-1), (1-1), (2-2), (3-1)

Neptunes Videoslots taw it-tieni telfa fi spazju ta’ ġimgħa lil Sliema Frank Salt. F’logħba li mhux se tibqa’ msemmiha bħala klassika, Neptunes kienu dejjem pass qabel l-avversarji, b’Sliema qatt ma kienu fil-vantaġġ filwaqt li fallew speċjalment fil-man-ups. Sliema għal darba oħra kellhom lil Jerome Gabarretta nieqes.

Sam Gialanze fetaħ l-iskor favur Neptunes minn man-up. Dino Zammit ġab id-draw bi ġmiel ta’ gowl mid-distanza sakemm Stevie Camilleri ħalla lil Neptunes fil-vantaġġ sa tmiem l-ewwel sessjoni minn penalty.

Alec Fenech kabbar il-vantaġġ ta’ Neptunes għal 3-1 fit-tieni sessjoni, b’Sliema jnaqqsu d-distakk minn Benji Cachia minn man-up. Is-Slimiżi kienu qrib li jġibu d-draw eżatt ma’ tmiem is-sessjoni, iżda x-xutt ta’ Jamie Gambin ġie ġġudikat li ma qabiżx il-linja.

Madankollu Sliema rnexxielhom jagħmlu l-iskor 4-4 lejn nofs it-tielet sessjoni. Matthew Mifsud u Benji Cachia wieġbu wara l-gowl ta’ Jake Muscat. Iżda Gabriel Pace kellu ħsibijiet oħra għaliex reġa’ poġġa lil Neptunes minn fuq bi preċiżjoni mil-lemin.

Sliema baqgħu biċ-ċans iżda komplew jiġru wara r-riżultat, b’Jamie Gambin iwieġeb lil Jake Muscat u żamm id-distakk ta’ gowl. Sam Gialanze prattikament għalaq il-logħba, b’Pace jissiġilla r-rebħa bl-aħħar xutt.

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (2), S. Gialanze (2), G. Pace (2), J. Cachia, J. Spiteri Staines, S. Camilleri (1), J. Camilleri, J. Abela, M. Spiteri Staines, A. Fenech (1), M. Castillo, M. Rossi, M. Farrugia

Sliema: N. Grixti, M. Mifsud (1), L. Galea, D. Rizzo, M. Meli, B. Cachia (2), J. Cutajar, K. Borg, J. Brownrigg, J. Gambin (1), Z. Mizzi, D. Zammit (1), A. Theuma

Referees: Andrea Zedda, Alex de Raffaele

SAN ĠILJAN JP PROJECTS……. 9

BIRŻEBBUĠA FREEPORT…….. 3

(0-1), (3-1), (3-0), (3-1)

San Ġiljan JP Projects baqgħu b’punti massimi fil-Kampjonat Premier anki jekk ma kinux eċċezzjonali fil-logħob tagħhom. Probabbilment rebħu għaliex għandhom plejers individwali aktar superjuri minn tal-avversarji. Birżebbuġa kellhom mumenti li fihom ħadu vantaġġ mit-traskuraġni iżda ma ħadux iċ-ċans meta kellhom l-opportunità.

Kienu Birżebbuġa li rebħu l-ewwel sessjoni 1-0 b’gowl ta’ Ben Grech lejn tmiem. L-istess plejer irdoppja l-vantaġġ iżda f’leħħa ta’ berqa Ben Plumpton irkupra d-differenza, b’Matthew Zammit ipoġġi lil San Ġiljan fil-vantaġġ.

Fit-tielet sessjoni, San Ġiljan fetħu vantaġġ li komplew jikkonsolidawh b’gowls ta’ Matthew Zammit, Ben Plumpton u Nikolai Zammit rispettivament. Iżda fil-bidu tal-aħħar sessjoni, Birżebbuġa setgħu daħlu fil-logħba.

Madankollu wara li naqqas id-distakk, Giuseppe Mannino falla penalty u azzjoni favorevoli mill-viċin. San Ġiljan ħadu vantaġġ u għalqu l-logħba bi tliet gowls oħra għal rebħa li tidher komda.

San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg, A. Galea, N. Schiavone, R. Caruana, M. Zammit (3), B. Plumpton (4), D. Tully, J. Bonavia, N. Zammit (2), D. Zammit, N. Bugelli, G. Vassallo, M. Ortoleva, D. Fero

Birżebbuġa: M. Vassallo, J. Farrugia, N. Cassar, B. Grech (2), C. Mifsud, R. Mock, D. Farrugia, D. Cutajar, D. Faenza, K. Tanti, G. Mannino (1), M. Curmi, M. Sladden, D. Incorvaja, G. Sammut

Referees: Tiziano Petrini, Peter Balzan

BARRACUDAS…………….. 7

TA’ XBIEX AMIGOS…….. 16

(1-3), (2-3), (1-4), (3-6)

Ta’ Xbiex Amigos kisbu t-tieni rebħa fl-Ewwel Diviżjoni. B’wirja kollettiva speċjalment fil-fażi offensiva tat-tieni parti tal-logħba, żiedu tliet punti oħra fil-klassifika li bihom telgħu fit-tielet post.

Bidu pożittiv għal Ta’ Xbiex li rebħu l-ewwel sessjoni b’gowls ta’ Jayden Cassar, Zak Cutajar Licari u Jacob Saliba, b’TJ Mifsud kien ġab id-draw momentarjament. Barracudas wettqu reazzjoni fit-tieni sessjoni u rkupraw l-iżvantaġġ doppju permezz ta’ TJ Mifsud u Jeremy Bugeja.

Madankollu dan ir-riżultat qajjem lil Ta’ Xbiex hekk kif bejn it-tieni u t-tielet sessjoni, sabu x-xibka xejn anqas minn seba’ darbiet b’mod konsekuttiv għal vantaġġ mill-aktar komdu ta’ 10-3. Minn hemm il-logħba ħadet xejra oħra, b’Ta’ Xbiex jikkontrollaw il-logħba u baqgħu jżidu l-vantaġġ b’diversi azzjonijiet kordinati.

Barracudas: C. Bugeja, A. Falzon, A. Magri (1), P. Micallef (1), D. Ciantar, R. Sciortino (1), S. Aquilina, L. Galea, D. Camilleri (1), J. Bugeja (1), A. Mifsud, T.J. Mifsud (2), M. Borg

Ta’ Xbiex: R. Coleiro, C.J. Saliba, E. Aquilina (1), J. Pace Mizzi (2), P. Tabone, S. Engerer, J. Saliba (2), J. Cassar (2), E. Schembri (4), Z. Cutajar Licari (3), B. Attard Littschwager, J. Chircop (2), D. Galea Mule

Referees: Andrea Zedda, Stefan Licari

Logħob li jmiss

Għada

Kampjonat Premier: Sirens v Exiles 8.25pm

L-Ewwel Diviżjoni: Marsaskala v Valletta 6.15pm, Otters v Marsaxlokk 7.20pm