Lokali

Pubblikazzjoni uffiċjali dwar iż-żjara tal-Papa f’Malta

L-Arċisqof Charles Scicluna nieda l-pubblikazzjoni uffiċjali tal-Vjaġġ Appostoliku tal-Papa Franġisku f’Malta. Din tinkludi sensiela ta’ ritratti mill-isbaħ li saru waqt din iż-żjara li saret fit-2 u t-3 ta’ April.

Il-ktieb ġie ppubblikat minn Beacon Media Group, ktieb li fih 168 paġna bl-isem Luminous Kindness. Dan jinkludi wkoll id-diskorsi u t-talb li sar waqt iż-żjara tal-Papa f’għadd ta’ postijiet f’Malta u Għawdex.

It-titlu tal-pubblikazzjoni ntagħżel biex jirrifletti d-deskrizzjoni mill-Papa dwar Malta bħala art bi “ġmiel imdawwal” impenjata li tilqa’ lin-nies. Fl-istess ħin, it-titlu jinkludi t-tema ewlenija taż-żjara: “Ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” – il-kliem użat minn San Luqa fl-Atti tal-Appostli biex jiddeskrivi l-laqgħa li ngħataw San Pawl u
l-275 persuna wara li ġew nawfragati fuq il-gżira 2,000 sena ilu.

Il-ktieb jinkludi QR codes li jagħtu aċċess lill-qarrejja għal filmati u traduzzjonijet ta’ kull avveniment kif ukoll tagħrif dwar il-postijiet ta’ qima ewlenin f’Malta.

L-editur tal-ktieb Luminous Kindness huwa Steve Mallia flimkien ma’ Ariadne Massa, filwaqt li Ramon Micallef kien id-disinjatur. Ian Noel Pace, Miguela Xuereb, Rene Rossignaud, Daniel Cilia, Darrin Zammit Lupi, Andrew Formosa, Tonio Schembri, id-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI) u l-Media tal-Vatikan ikkontribwew għar-ritratti.