Lokali

Raġel jittella’ bla ħajja mill-baħar fil-Qawra

Aħbar traġika t-Tlieta filgħodu hekk kif ġisem bla ħajja ta’ raġel li s’issa għadu mhux identifikat ġie mtella’ mill-baħar fiż-żona ta’ Fra Ben fil-Qawra.

Kien għall-ħabta tal-10.1 ta’ filgħodu li l-Pulizija kienet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fl-inħawi magħrufa bħala l-Ponta tal-Qawra…fejn intlemħet xi ħaġa suspettuża f’qiegħ il-baħar.

Minnufih ġew imsejħa membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll membri mill-Forzi Armati ta’ Malta li malli marru fil-post sabu katavru f’qiegħ il-baħar.

Bil-każ kienet infurmatal-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima, li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.

Filwaqt li l-investigazzjoni tal-Pulizija b’rabta mal-każ għaddejjin, kelliema għal Pulizija preċiżaw jgħidu li l-katavru mhux ta’ xi persuna li kienet irrapportatha nieqsa fl-aħħar xhur.