Futbol Sport

Takumi Minamino jingħaqad ma’ AS Monaco

(Ritratt: EPA)

Il-midfielder ta’ 27 sena Takumi Minamino sar plejer ta’ AS Monaco, bil-klabb tal-Ligue 1 fi Franza jħallas £18 miljun lil Liverpool għall-Internazzjonali Ġappuniż.

L-aħbar kienet ikkonfermata fuq is-sit uffiċjali ta’ Monaco, bid-direttur sportiv tal-klabb Paul Mitchell jgħid li jinsab kuntent ħafna bl-akkwist ta’ Minamino għaliex huwa plejer li kiseb esperjenza kbir fuq livell Ewropew u għandu mentalità rebbieħa.

Minn naħa tiegħu Minamino qal li jinsab kuntent ħafna li ingħaqad ma’ klabb li għandu statura kbira fil-Ligue 1 u li se jagħmel minn kollox biex jaddatta għall-ambjent il-ġdid tiegħu biex ikun jista jagħmel dak kollu li jista biex jgħin lit-tim.

Minamino ingħaqad ma’ Liverpool fl-istaġun 2019/20 mingħand RB Salzburg iżda fit sab spazju fl-iskwadra ta’ Jurgen Klopp tant li fl-istaġun ta’ wara kien misluf lil Southampton f’nofs l-istaġun. L-istaġun li għadda rritorna ma’ Liverpool iżda lagħab biss tmien darbiet mill-bidu u daħal darbtejn bħala sostitut.

Huwa ffirma kuntratt ta’ erba’ snin.