Lokali

WARA L-KAŻ TA’ TIXĦIM: “Illi tgħid li kien żball, huwa skandlu”

Huwa skandaluż meta tiddikjara li akkuża ta’ tixħim waqgħet minħabba “żball” minn naħa tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg.

Hekk stqarr bla tlaqliq l-editur tat-Times fil-ħarġa tal-lum, fejn janalizza l-każ ta’ tixħim mill-avukati ta’ Yorgen Fenech fil-konfront tal-ġurnalist Ivan Martin.

Martin kien qal fil-Qorti li fi tmiem il-laqgħa ta’ 20 minuta fil-Belt Valletta f’Novembru tal-2020, Caruana Curran għadda flus kontanti valur ta’ €500. Caruana Curran kienet ammetta li “kienet offruta remunerazzjoni” u li offra l-flus biss għax qatt qabel ma kien iffaċċa ġurnalist.

Madankollu meta tat is-sentenza, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, osservat li għalkemm iż-żewġ avukati kienu ġew akkużati b’tixħim attiv u l-kumpilazzjoni tal-provi kienet tikkonċerna dak ir-reat, l-Avukat Ġenerali kienet indikat dispożizzjoni oħra tal-liġi.

It-Times tinsisti li l-Avukat Ġenerali għamlet tgħaffiġa kbira f’dan il-każ. U hawn, isir appell qawwi biex tinġarr ir-responsabbilta’. Dan is-sentiment diġa’ ġie espress minn diversi opinjonisti, akkademiċi, u anke mis-soċjetà ċivili.

“L-Avukat Ġenerali għandha tirriżenja”, stqarr l-editur tat-Times.

L-editorjal jistaqsi wkoll x’se tagħmel il-Kamra tal-Avukati quddiem dan il-każ serjissimu li fih kienu involuti żewġ avukati.