Lokali Qorti

Żieda b’€54,000 f’kumpens għall-ħaddiem li weġġa’ l-Freeport

Il-Qorti tal-Appell żiedet kumpens b’€54,000 wara li laqgħet talba ta’ ħaddiem li weġġa’ fil-Freeport wara li kien qed jilmenta li s-somma li kien ingħata fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ma nħadmitx sew. Oriġinarjament huwa kien ingħata mill-Qorti €36,000 u li din issa telgħet għal €90,000 

Mario Galea li kien jaħdem bħala tally-clerk kien fetaħ proċeduri kontra l-Malta Freeport Terminals Limited u John Aquilina fejn żammhom responsabbli għall-inċident li kien seħħ fil-21 ta’ Diċembru 2014. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4.20 p.m. meta trakk misjuq minn Aquilina ħabat bil-karru li kien qed jiġbed mal-kabina li fiha kien hemm Galea.

Il-kabina tagħmel parti mill-gantry crane li jkun stazzjonat fuq il-moll. Kaġun tad-daqqa Galea weġġa’ u għamel ġranet ma jmurx għax-xogħol waqt li Aquilina kien spiċċa sospiż għal xahar u nofs. Il-Freeport irrimarkat li ma setgħetx tingħata t-tort għax kien Aquilina li kkawża l-inċident. l

Minn tiegħu Aquilina qak li ma kellux tort għax huwa ngħata struzzjonijiet biex jgħaddi minn fejn għadda bit-trakk. fid-deċiżjoni tagħha l-ewwel qorti kienet żammet lill-Freeport responsabbli u meta ġiet biex tagħti l-kumpens qieset, fost oħrajn, li Galea sofra diżabilità ta’ 12% u li kellu kważi 50 sena meta seħħ il-każ.

Fl-appell Galea ngħata raġun mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Joseph Micallef u Tonio Mallia fejn sostnew li għalkemm Galea għadu jaħdem xorta qed ibati biex jagħmel dan. Il-Qorti tal-Appell qalet li l-ewwel deċiżjoni kienet żbaljata meta l-Qorti kkunsidrat li d-diżabilità mġarrba mill-attur m’affettwatx il-ħidma tiegħu ladarba huwa daħal lura għax-xogħol li kellu qabel.

L-imħallfin ma qablux ukoll mal-persentaġġ tad-diżabbiltà ta’ 12% u sostnew li rriżulta li huwa sofra diżabilità permanenti ta’ 18%. Żball ieħor kien meta l-Prim Awla ħadmet fuq paga netta u ma kkunsidratx li seta’ jaqla’ aktar flus bis-sahra. Għaldaqstant meta nħadem il-kumpens għal darba oħra, s-somma mistħoqqa kellha tkun dik ta’ €90,000, bil-Qorti tordna lill-Freeport tħallas dan l-ammont lil Galea.