Lokali

AĠĠORNATA: Splużjoni f’razzett fl-inħawi tal-Lunzjata; il-pulizija qed jinvestigaw

Il-Festa tal-Imnarja sebħet bi splużjoni segwita minn nar qawwi hekk kif kmieni l-Erbgħa filgħodu numru ta’ ħaddiema tas-salvataġġ kienu involuti f’operazzjoni f’razzett fil-Lunzjata, limiti tar-Rabat. L-isplużjoni seħħet għall-ħabta tas-6.30am.

Il-Pulizija għadha sa issa ma tafx xi kkawża l-isplużjoni b’kelliem tal-pulizija spjega ma’ Net News li l-ewwel suspett qed imur fuq possibbiltà li seta’ kien hemm maħżun xi logħob tan-nar jew li seta’ kien hemm ukoll reazzjoni kimika minn fertilizzant.

Il-Pulizija qalu li fil-ħin tal-inċident ma kinx hemm persuni fir-razzett, madankollu mietu ammont ta’ annimali  filwaqt li oħrajn spiċċaw weġġgħu, inkluż kelb. Dan filwaqt li xi annimali oħra għadhom ma nstabux.

Fil-post waslu immedjatament membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, mill-Explosive Ordnance Disposal Unit, il-pulizija u anki tim mediku.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta, bil-pulizija għadhom qed jinvestigaw dan il-każ.

L-aħħar każ ta’ splużjoni kien ħasad lil bosta hekk kif ftit tal-ġimgħat ilu seħħet splużjoni f’Kamra tan-Nar fil-Mosta, liema splużjoni kienet ħalliet tliet persuni rikoverati l-Isptar Mater Dei.   

Ritratti u filmati miġbuda minn Matthew Tabone