Lokali

BĦAL-LUM 40 SENA: Reżistenza li biddlet l-istorja ta’ Malta

Artiklu miġbur mill-Editur ta' In-Nazzjon Joe Cassar

Fl-Imnarja tal-1982, 40 sena ilu, il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami sejjaħ il-poplu għal jum ta’ reżistenza passiva bi protesta favur id-dritt tal-poplu li jiddeċiedi skont ir-rieda tal-maġġoranza, prinċipju bażiku f’demokrazija vera.

Ftit xhur qabel, f’Diċembru 1981, maġġoranza assoluta tal-poplu vvutat favur bidla fil-gvern, iżda t-tbagħbis tal-Gvern tal-Labour fid-distretti elettorali wassal għal riżultat pervers, kif kien ħabbar li se jiġri l-PN, ta’ maġġoranza ta’ siġġijiet fil-Parlament favur il-Labour. Minkejja li l-Perit Mintoff kien wiegħed li jekk ma jiksibx maġġoranza assoluta ta’ voti ma kienx lest li jiggverna, tal-Labour irrifjutaw kull talba mill-PN għal diskussjonijiet li setgħu jwasslu għal ftehim nazzjonali u bidliet kostituzzjonali kif meħtieġ.

Fl-Imnarja ta’ 40 sena ilu l-PN ħareġ direttiva biex il-poplu jipprotesta u jieqaf minn kull tip ta’ xogħol. Dak iż-żmien l-Imnarja ma kinetx festa pubblika għaliex tal-Labour kienu neħħew sensiela ta’ festi pubbliċi, inkluż l-Indipendenza, is-Sebgħa ta’ Ġunju, l-Imnarja u oħrajn.

Eluf ta’ ħaddiema u self-employed wieġbu għas-sejħa ta’ Eddie Fenech Adami. Il-Gvern tal-Labour irreaġixxa bl-akbar brutalità possibbli – issospenda eluf ta’ ħaddiema mix-xogħol u eluf ta’ liċenzi ta’ negozji. Il-kampanja ta’ reżistenza passiva aktar ħraxet u l-PN intefa’ f’kampanja wara oħra biex jiġbor flus u jgħin il-ħaddiema, self-employed u l-familji tagħhom li spiċċaw għal xhur sħaħ bla ebda dħul.

Is-snin sebgħin u tmenin taħt il-Labour kienu karatterizzati minn korruzzjoni, diskriminazzjoni, vjolenza politika, abbużi, ksur ta’ drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema, ksur tal-Kostituzzjoni, politika anti-Ewropea, u ekonomija Soċjalista li ħallietna pajjiż tat-tielet dinja. Il-kriżi enormi politika, soċjali, kulturali u ekonomika ta’ dak iż-żmien rat it-tmien tagħha f’Mejju 1987 meta l-PN reġa’ rebaħ maġġoranza assoluta tal-voti tal-poplu u Eddie Fenech Adami fforma l-ewwel gvern tiegħu, wara l-emendi kostituzzjonali fil-bidu ta’ dik is-sena.

Reżistenza passiva li biddlet l-istorja ta’ Malta

M’hemmx dubju illi kieku ma kienx għall-istorja ta’ snin sħaħ ta’ sagrifiċċji inkredibbli, qlubija, u sehem minn kull settur tal-poplu fil-moviment nazzjonali ta’ protesta u reżistenza passiva li l-PN kien kostrett li joħloq taħt it-tmexxija ta’ Eddie Fenech Adami, kieku l-istorja ta’ Malta kienet tkun xort’oħra. Il-PN, flimkien mal-Unions Ħielsa, movimenti ta’ studenti, żgħażagħ, nisa, ambjentalisti, korpi kostitwiti, għaqdiet u l-poplu inġenerali, irnexxielu jwettaq politika li ġabet il-bidla fil-gvern skont id-demokrazija u tat lill-pajjiż viżjoni u proġett li poġġa lil Malta u l-poplu tagħha fit-triq ta’ żvilupp u ġid li gawda minnu kulħadd, speċjalment il-familji tal-ħaddiema u tal-klassi tan-nofs.

Illum qegħdin f’era ta’ żmien totalment differenti. Ħafna mill-ġid li qed ingawdu huwa frott tas-sisien li poġġew gvernijiet Nazzjonalisti u tal-politika u l-programmi li wettqu f’kull settur, mhux l-anqas fl-edukazzjoni.

Mill-2013 ’l hawn

Mill-2013 ’l hawn erġajna ninsabu taħt gvern tal-Labour, din id-darba mlibbes libsa differenti. Mhux aktar partit tal-ħaddiema, Soċjalista, imma partit tal-flus, li tilef il-boxxla soċjali u l-kuxjenza politika, u jimxi skont fejn jonfoħ ir-riħ ta’ dak li jaqbillu. Imbarka fuq politika ta’ ekonomija liberali, fi sħab ma’ grupp ta’ nies tal-qalba, u fuq politika ta’ importazzjoni ta’ ħaddiema f’kull settur, ħafna minnhom imneżżgħa minn kull protezzjoni u ġustizzja soċjali.

Fl-istess ħin għexna kriżi bla preċedent ta’ korruzzjoni, abbużi, ineffiċjenzi u politika li bi ħsieb ħakmet l-istituzzjonijiet kollha tal-pajjiż li kienu nħolqu propju biex jipproteġu l-poplu minn kull gvern li seta’ jabbuża mill-poter tiegħu.

Il-punt illum mhux l-istorja ta’ 40 sena ilu. Lanqas l-istorja tal-Gvern tal-Labour. Il-punt hu li l-affarijiet il-ħżiena li jolqtu l-poplu fil-laħam il-ħaj ma jirranġawx ruħhom billi ndawru wiċċna n-naħa l-oħra. Erbgħin sena ilu eluf ta’ ħaddiema u l-familji tagħhom issugraw l-impjieg, in-negozju, il-ħobżna ta’ kuljum. L-insistenza ta’ dan is-sagrifiċċju wasslet għall-bidla li ġabet magħha ġid enormi għall-poplu kollu, speċjalment il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u oħrajn futuri, ġid li għadna ngawdu sal-lum.

Żvilupp li jeħtieġ riflessjoni u azzjoni

Il-moviment tal-protesta llum hu differenti. Mhux aktar il-politiċi huma l-protagonisti. Iżda s-soċjetà ċivili. Dan minnu nnifsu hu stat ta’ fatt li jinħtieġ riflessjoni u azzjoni. Qed ngħixu żmien li fil-wiċċ jidher li qed jirrendi ċerta prosperità, imma li fil-verità qed iġib miegħu fix-xejn il-kwalità tal-ħajja, tal-ġid komuni, tal-ambjent, ta’ dak kollu li l-bniedem għandu bżonn biex iseddaq id-dinjità u l-ħajja tiegħu.

X’azzjoni hemm bżonn? Kif se nqajmu kuxjenza nazzjonali? Kif tista’ s-soċjetà tirrifletti, tiddiskuti, tieħu azzjoni? Din hi sfida li għandna naħsbu fuqha f’dan l-anniversarju ta’ tbatija li fl-aħħar mill-aħħar issarrfet fil-ġid tal-poplu tagħna.