Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: ‘Il-politika ta’ aggressjoni tar-Russja għandha testendi ‘il hinn mill-artijiet Ukreni

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, fl-aħħar sigħat, wissa lin-NATO li r-Russja qed taħseb biex tferrex l-aggressjoni tagħha ‘il hinn mill-Ukrajna filwaqt li sostna li l-unika domanda tibqa’ min se jkun dak il-pajjiż li se jispiċċa fil-mira ta’ Moska wara l-Ukrajna.

Zelensky, li kien qed jindirizza lill-Mexxejja tal-Punent b’videolink, reġa’ sostna li pajjiżu jeħtieġ dejjem aktar armi moderni u appoġġ finanzjarju biex jiddefendi ruħu kontra l-magna tal-gwerra ta’ Vladimir Putin.

U waqt li Moska fissret l-espansjoni tan-NATO bħala fattur li għandu jtellef mill-istabbilità fir-reġjun partikulari u fl-Ewropa, Zelensky sejjaħ biex in-Nazzjonijiet Uniti tikkundanna lir-Russja bħala Stat terroristiku wara l-attakk  ta’ nhar it-Tnejn fuq ċentru kummerċjali fi Kremenchuk, fejn missila tar-Russja qatlet talanqas 20, b’għexieren oħra jisfaw midruba.

Il-Papa Franġisku, fl-aħħar sigħat, ikkundanna dan l-attakk li fissru bħala ‘l-aħħar f’sensiela ta’ azzjonijiet barbari’ kontra l-poplu Ukren. Hu tenna li l-Ukreni għaddejjin minn ‘martirju’ minħabba l-gwerra bla provokazzjoni min-naħa tar-Russja u, waqt indirizz lill-folol fi Pjazza San Pietru (f’Ruma) hu awgura li ‘din il-gwerra bla sens’ tintemm malajr kemm jista’ ikun.