Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Il-WFP iwissi li d-dinja ma tlaħħaqx ma’ emerġenzi tal-ġuh ‘simultanji’

Kelliema għall-World Food Programme (WFP) qalu li ‘il fuq minn 345 miljun persuna madwar id-dinja qegħdin jiffaċċjaw ‘nuqqas ta’ sigurtà f’dak li jirrigwarda l-ikel’ u meta s-sitwazzjoni qed issir dejjem aktar akuta.

Iċ-ċirkustanzi qed iqanqlu sens akbar ta’ allarm meta l-gwerra fl-Ukrajna daħlet fil-ħames xahar ta’ kumbattimenti bla heda u bir-riperkussjonijiet qegħdin jinħassu mill-kumplament tad-dinja.

Din il-gwerra, flimkien maż-żieda sostanzjali fil-prezz tal-fuel ( fuq livell globali) u l-impatt tal-pandemija tal-Covid, huma elementi li żiedu t-theddida tal-ġuh madwar id-dinja u meta l-konsegwenzi tal-kriżi x’aktarx li huma imminenti.

Ħafna mill-qmuħ li tesporta l-Ukrajna dalwaqt ma jkunux aktar tajbin għall-konsum meta qed jinżammu kontinwament fl-imħażen tal-pajjiż. Dan waqt li l-militar tar-Russja qed ikompli bl-assedju fuq il-portijiet Ukreni li jmissu mal-Baħar l-Iswed.

Is-sitwazzjoni komplet tiggrava minħabba s-sanzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-fertilizzanti mir-Russja – bl-iżvilupp x’aktarx li se jaffettwa bil-kbir il-produzzjoni tal-ikel fil-futur.

Matthew Hollingworth, il-Koordinatur għall-Emerġenzi mal-WFP fl-Ukrajna, ammetta li hu u l-kollegi ta’ din il-fergħa tan-Nazzjonijiet Uniti jinsabu ‘inkwetati ħafna’ peress li l-Ewropa u d-dinja qegħdin jiffaċċjaw kriżi ‘fuq tliet binarji’ fejn jidħlu l-ikel, il-fuel u l-fertilizzanti.

“Is-sena d-dieħla jista’ mhux biss ikollna problema fl-aċċess għall-ikel iżda anki problema kbira relatata għall-ħażniet tal-ikel,’ wissa Hollingworth. Dan waqt li numru ta’ pajjiżi li diġà ma jaffordjawx li jimpurtaw l-ikel se jsibuha diffiċli ħafna biex jipproduċu l-ħxejjex ul-frott tagħhom mingħajr kunsinni ta’ fertilizzant.

It-tamiet tad-diretturi tal-WFP u oħrajn hu li s-sens komun, sa fl-aħħar,  jirbaħ u li r-Russja tirrikonoxxi l-fatt li l-impatt – u l-ispejjeż – ta’ din il-gwerra jmorru ‘il hinn sew mill-fruntieri tal-Ukrajna.

Il-prezz li qed ikollha tħallas l-umanità hi kbira wisq u skont Hollingworth, il-pajjiżi kollha– inkluża r-Russja – iridu jifhmu li d-dinja bl-ebda mod mhi se tkun tista’ tlaħħaq ma’ inċidenzi tal-ġuh separati u konsekuttivi li x’aktarx li jfeġġu din is-sena u fl-2023.