Impenn għas-Saħħa Internazzjonali Lokali Saħħa

Is-saga fuq l-abort ta’ koppja Amerikana: F’intervista fuq The Guardian jappellaw lin-nisa u min iħobbhom biex ma jiġux Malta

“Jekk taf mara, jekk tħobb mara, jekk qatt tippjana li tkun taf jew tħobb mara, jew jekk int mara tmurx Malta,” saħaq Jay Weeldreyer, is-sieħeb ta’ Andrea Prudente f’intervista ma’ l-ġurnal The Guardian tar-Renju Unit. Dak li ħareġ minn fomm Weeldreyer li kkritika n-nuqqas ta’ aċċess għal interventi mediċi waqt li hu u s-sieba tiegħu kienu Malta għall-btala. Huma tkellmu dwar dak li sejjħu il-kalvarju li għaddew minnu, u taw twissija lin-nies li qed jaħsbu li jivvjaġġaw lejn Malta.

Il-koppja, li ġiet evakwata medikament mill-Isptar Mater Dei lejn Mallorca, fi Spanja, biex tgħaddi minn intervent mediku biex tiżgura li Prudente ma tkunx f’riskju mediku wara korriment tagħha, tefgħet aktar dawl fuq dak li għadda minn moħħhom hekk kif kienu qed jiġu mċaħħda minn aċċess għal dak li l-koppja qed jalludu għalih bħala abort sigur f’Malta.

“Konna straordinarjament privileġġjati li nkunu ċittadini Amerikani li għandna l-ħila li nixtru din it-tip ta’ assigurazzjoni, għax fin-nuqqas ta’ kumpanija tal-assigurazzjoni ta’ parti terza, u fin-nuqqas li nkunu barranin, m’hemm l-ebda mod li konna noħorġu minn dik il-gżira,” qal Weeldreyer.

Waqt li kienet Malta, u qalulha biex tistenna sakemm tieqaf it-taħbit tal-qalb tal-fetu, Prudente ġiet offruta konsulenza, li ddeskriviet bħala “bħal li tibgħat konsulent tal-PTSD (Post traumatic stress disorder) meta l-battalja tkun għadha għaddejja”.

Meta l-istorja tagħha saret pubblika, ġew ikkuntattjati minn attivisti lokali kontra l-abort permezz tal-midja soċjali, li ħeġġew lill-koppja biex ma tintervjenix biex tlesti l-korriment peress li “jistgħu jseħħu l-mirakli”. Mhux impressjonat, Weeldreyer qal lill-Guardian: “Għandna relazzjoni mal-mediċina, mhux mal-mirakli.”

Hekk kif il-koppja fl-aħħar ħadet il-permess mill-kumpanija tal-assigurazzjoni tagħhom, li bagħtet jet privat b’kirurgu abbord mill-Belġju, tabib li jaħdem f’Mater Dei li jaħdem ukoll f’Londra qalilhom li kieku kienu fir-Renju Unit, kien jidħol fil-każ hekk kif ir-riżultati tal-ultrasound tagħha jkunu ħarġu.

Il-koppja issa qed iħejju biex jirritornaw lejn l-Istati Uniti, u li dan inzerta li fl-istess jum, eżatt meta l-koppja kienu qed jittajru lejn Mallorca u d-dinja kienet qed tara lil Malta u l-liġijiet stretti tagħha dwar l-abort, l-Istati Uniti qalbet deċiżjoni dwar din il-materja fil-każ storiku Roe v Wade, li tneħħi d-dritt għan-nisa Amerikani li jtemmu t-tqala tagħhom fl-Istati Uniti.

Ingħad li hekk kif Prudente qed tipprepara biex taħdem fuq “it-tifrik emozzjonali” tagħha, li l-koppja għaddew minnu fuq dik li suppost kienet “babymoon” rilassanti f’Malta, hi taf li l-istorja tagħha tista’ titfa’ dawl fuq ir-realtà li jiffaċċjaw in-nisa f’dawn iċ-ċirkostanzi. “Aħna naraw lilna nfusna bħala aċċidentalment f’din il-pożizzjoni biex ninfluwenzaw u sempliċement billi nkunu onesti u naqsmu l-istorja tagħna.”