Il-Kapijiet tal-Istati membri tan-NATO, waqt l-ewwel jum tas-summit tal-Alleanza f’Madrid ( fi Spanja), ippubblikaw dikjarazzjoni li l-Alleanza tal-Punent għandha żżid il-mezzi għad-difiża u għad-deterrent ta’ kull azzjoni ostili fil-konfront tal-Istati-membri. Dan meta l-Alleanza qed testendi stedina lill-Finlandja u l-Iżvezja biex huma wkoll jissieħbu mal-grupp ta’ pajjiżi.
Id-dikjarazzjoni sostniet li l-pajjiżi-membri huma impenjati b’mod konkret favur l-Artiklu 5 fit-Trattat tan-NATO…Artiklu li jistqarr ċar li attakk fuq pajjiż wieħed tal-Alleanza ikun ifisser attakk fuq il-pajjiżi kollha msieħba fiha.
Il-pajjiżi tan-NATO kollha qablu li l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja u l-gwerra sussegwenti fl-artijiet Ukreni ‘huma ta’ theddida kbira għas-sigurtà u l-istabbilità tal-Ewropa’. L-istqarrija kompliet li r-Russja tibqa’ l-aktar theddida diretta u sinifikanti għas-sigurtà tal-Istati alleati kif ukoll għall-paċi u l-istabbilità fiz-zoni tal-Ewropa u l-Atlantiku.
Sinifikanti wkoll kienet il-wiegħda tan-NATO biex tibqa’ iżżid l-appoġġ lill-Ukrajna minn lat politiku u prattiku għat-tul taż-żmien. Dan waqt li l-Mexxejja tal-Alleanza aċċettaw Kunċett Strateġiku ġdid li jenfasizza l-valuri bażiċi flimkien mal-għanijiet ewlenin tan-NATO.
Is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, qal, intant, li l-applikazzjonijiet tal-Finlandja u l-Iżvezja biex jissieħbu fl-Alleanza tal-Punent, qegħdin juru li ‘il-bibien ( tan-NATO) huma dejjem miftuħin.’
Iż-żewġ pajjiżi Skandinavi – li kienu ilhom is-snin josservaw politika ta’ newtralità – qed jingħataw l-istedina formali biex jissieħbu fin-NATO wara li t-Turkija ( membru tal-Alleanza) ma baqgħetx toġġezzjona għal din l-isħubija filwaqt li imponiet xi kundizzjonijiet għall-istess pajjiżi Nordiċi.
Jens Stoltenberg qal li l-ftehim dwar il-Finlandja u l-Iżvezja qed jikkonkludi ġimgħat ta’ ħidma li jinkludu qbil importanti ‘fl-aħħar ħinijiet’ biex jintlaħaq it-tragward tal-pajjiżi aspiranti. L-iżviluppi, skont hu, għandhom ikunu tajbin mhux biss għall-Finlandja u l-Iżvezja iżda anki għat-Turkija u l-Alleanza tan-NATO.
Fl-istess ħin, il-Kap tan-NATO qal li l-iżviluppi huma anki prova ċara li l-President tar-Russja, Vladimir Putin, ma rnexxiex fl-iskop biex idgħajjef lin-NATO – ‘bl-Alleanza, għall-kuntrarju, qed tkompli tissaħħaħ’.
//= $special ?>

