Lokali Qorti

Jamie Vella jkompli bl-istrajk tal-ġuħ fil-ħabs, priġunieri oħra mistennija jingħaqdu miegħu

Wara li jumejn ilu Jamie Vella, r-raġel akkużat li pprovda l-bomba li qatlet Daphne Caruana Galizia beda strajk tal-ġuħ fejn qed jallega li huwa ħa din il-miżura minħabba l-kwalità tal-ikel li qed jingħata hu u l-priġunieri sħabu, r-rifjut tal-ikel minn naħa tiegħu għadu għaddej.

It-tim legali tiegħu qalu lil NET News li minkejja li saru għadd ta’ lmenti mad-diriġenza tal-ħabs, l-ikel kien ħażin u għadu ħażin u sa issa ma rċevew l-ebda feedback fuq is-sitwazzjoni. Mhux eskluż li priġunieri oħra jingħaqdu ma’ Jamie Vella fl-istrajk li huwa qed jagħmel u fil-fatt id-diskors fil-ħabs hu li oħrajn mistennija jagħmlu l-istess mill-Erbgħa, 29 ta’ Ġunju.

L-avukat ta’ Jamie Vella, Ishmael Psaila mistenni jippreżenta protest fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili dwar dan sakemm is-sitwazzjoni ma tinbidilx. Jamie Vella, li flimkien mal-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufin bħala tal-Maksar, jinsab mixli bl-involviment bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizija fl-2017 u dak tal-Avukat Carmel Chircop fl-2015.

Id-difiża ta’ Vella qed tgħid li ilha tilmenta biex ikun titjieb fil-kwalità tal-ikel fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u minkejja li kienu mwegħda li se jsir xi ħaġa, l-ikel ħażin kien u ħażin baqa’. Fil-fatt kienu wkoll mitkellma l-awtoritajiet tal-ħabs dwar dan u minkejja l-wegħdi baqa’ ma sar xejn.

Ingħad ukoll li Jamie Vella huwa ‘type 2 diabetic’ u saħansira offra li jħallas għal ikel tiegħu stess. Vella ilu miżmum taħt arrest preventiv għal 16-il xahar, u għamel diversi talbiet biex jingħata l-pleġġ. Madankollu diversi Qrati dejjem ċaħdu t-talba minħabba l-biża’ li hu jbagħbas l-evidenza jew jaħrab, xi ħaġa li huwa ilu jwiegħed li dan mhux se jseħħ.

L-Avukat Psaila dejjjem sostna li l-pulizija kienet iddikjarat l-investigazzjoni magħluqa ħafna xhur ilu, iżda li l-Avukat Ġenerali dejjem jgħid lill-Qorti li l-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin fir-rigward ta’ Vella. Id-difiża dejjem argumentat li ma kienx ġust li Vella jinżamm arrestat, filwaqt li persuni oħra suspettati b’involviment fir-reat kienu għadhom jiġrubarra. “Għandha ssir ġustizzja ma’ kulħadd”.