Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li kkorrompa lin-neputija tiegħu

Raġel ta’ 45 sena, li ismu ma jistax jissemma biex tiġi protetta l-vittma u li wieġeb mhux ħati ta’ akkużi li kkorrompa lin-neputija tiegħu taħt l-età u li ssoġġettaha għal intimità fiżika nżamm arrestat wara li kienet miċħuda t-talba tad-difiża u milqugħa l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni. Dan minħabba li hemm xhieda mportanti li għad iridu jagħtu d-depożizzjoni tagħhom dwar il-każ.

Fil-Qorti ingħad li minuri flimkien ma’ ommha, marru f’għassa tal-Pulizija jagħmlu rapport fil-konfront taz-ziju tat-tfajla minħabba diskors ta’ natura sesswali li allegatament kien qed jgħidilha. Il-prosekuzzjoni qalet li l-minuri kienet mitkellma mill-Pulizija u jidher li kien hemm ukoll xi atti sesswali però mhux direttament fuq it-tifla imma li dak li kienet soġġetta biex taraha it-tifla.

Wara li d-difiża għamlet talba għall-pleġġ, il-Prosekuzzjoni tkellmet ukoll minħabba l-biża tal-kontaminazzjoni tal-provi u aktar u aktar fid-dawl tal-fatt li għad iridu jixhdu minuri oħrajn. Il-Prosekuzzjoni madankollu ċara fil-Qorti li wara li jixhdu dawn ix-xhieda, mhux ser ikun hemm oġġezzjoni għall-ħelsien mill-arrest hekk kif il-ħelsien huwa r-regola u mhux l-eċċezzjoni.

Id-difiża għamlet l-argumenti tagħha fuq il-kronoloġija tal-fatti huma kemmxejn differenti minn dak li qed jipproponi l-Avukat Ġenerali. Fosthom li bejn il-ġurnata li seħħ ir-reat u bejn il-jum meta i-raġel kien arrestat, għaddew ammont ta’ ġranet.

Id-Difiża tenniet li l-imputat għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest b’mod immedjat peress li huwa ilu jaf bl-akkużi fil-konfront tiegħu għak madwar 15-il-ġurnata u minkejja dan xorta fl-ebda ħin m’avviċina l-allegata vittma. “Kieku l-Prosekuzzjoni kienet tieħu azzjoni qabel” argumentat id-difiża. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, il-Qorti f’dan l-istadju ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest